Pittura tal-pittur Malti Edward Caruana Dingli, li turi lid-Duka ta’ Connaught, inbiegħet għas-somma ta’ $3,716 fuq e-bay. Hija pittura oriġinal biż-żejt, twial 22 pulzier fuq bażi ta’ 15-il pulzier.
Il-katalgu jgħid li magħha hemm ittra ta’ Caruana Dingli li fiha juri l-ewwel skizz għall-pittura kummissjonata mill-Army & Navy Club. Il-pittura tinsab fil-Mużew ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, f’Londra.
Il-pittura turi lid-duka, it-tielet tifel u s-seba’ wild tar-Reġina Vitorja, liebes ilbies tal-Ordni ta’ San Ġwann. Huwa serva f’Ġibiltà, l-Eġittu u l-Indja u kien Commander-in-Chief fil-Mediterran mill-1907 sal-1909.
Edward Caruana Dingli twieled fl-1876 f’dik li qabel kienet Queensway (illum Triq Republika), il-Belt Valletta. Huwa studja taħt Giuseppe Calí u spiċċa magħruf bħala speċjalista fl-arti tal-pittura tal-persuna. F’ħajtu pitter ħafna personalitajiet mill-oqsma tal-gvern, tal-kummerċ, nies irjali u ekklezjastiċi.
Bejn 1919 u 1947, Caruana Dingli kien direttur tal-Iskola tal-Arti. Fost l-istudenti li għallem kien hemm Willie Apap, Anton Inglott, Emvin Cremona u Epsrit Barthet.
Caruana Dingli baqa’ jpitter sa mewtu fl-1950.
The post Tinbiegħ pittura ta’ Caruana Dingli appeared first on TVM.