

Mal-ħames tank mimlija b’materjal tossiku instabu f’razzett tal-faqqiegħ fiż-żona magħrufa bħala tas-Salib, limiti tar-Rabat.
It-tankijiet instabu waqt spezzjoni mid-Direttur tal-Infurzar tal-MEPA li waqqaf l-operat tar-razzett wara li s-sidien baqgħu jirrifjuttaw li jirrispettaw il-kundizzjonijiet ambjentali imposti fil-permess tal-ippjanar.
Ir-razzett tal-faqqiegħ kien ilu jopera sa mill-1976 u kellu l-permessi tal-iżvilupp kollha meħtieġa, iżda s-sidien naqsu milli jirrispettaw għadd ta’ kundizzjonijiet relatati mal-opera. Dawn il-kundizzjonijet ġew imposti f’wieħed mill-permessi riċenti għall-iżvilupp, li kien ikopri t-tkabbir tar-razzett, sabiex ikun salvagwardjat u titnaqqas l-inkonvenjenza ta’ rwejjaħ u mpatti oħra fuq ir-residenti li jgħixu fiż-żona u fuq l-ambjent tal-madwar.
Filwaqt li saru diversi laqgħat bejn l-Awtorita’ u s-sidien tar-razzett sabiex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom u jtejjbu l-attivitajiet tal-operat tar-razzett, dawn kienu kollha għalxejn. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorita’ eventwalment ordnat biex jitwaqqaf l-operat kollu u r-razzett jingħlaq fil-bidu ta’ Settembru li għadda.
Servizz: Keith Demicoli
The post Materjal tossiku f’razzett tal-faqqiegħ appeared first on TVM.