Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Posta speċjali minn Malta għall-Arctic Circle

$
0
0

Envelopes mimlija kuluri, disinji u ittri kbar. Dan huwa ż-żmien tas-sena li fih il-Maltapost tirċievi għadd ta’ ittri kompletament differenti miż-żmien l-ieħor tas-sena u dan minħabba li f’dawn il-ġranet ta’ qabel il-Milied it-tfal jużaw il-kreattività tagħhom biex jibgħatu l-ittri lil Santa Klaws. Kif inhi t-tradizzjoni x’aktarx li f’dawn l-ittri, t-tfal jiktbu l-ġugarelli li jridu għall-Milied waqt li jassiguraw lil Santa Klaws li kienu tfal bravi u jekk le jwiegħdu li għas-sena li ġejja se jagħmlu l-almu tagħhom biex iġibu ruħhom sew fl-iskola u d-dar.

TVM.com.mt mar sal-uffiċċju tal-Maltapost f’Ħal Qormi fejn fl-aħħar jiem bdew jaslu l-ittri li t-tfal bagħtu lil Santa Klaws. Kull sena l-Maltapost tirċievi madwar 250 minn dawn l-ittri. Izda x’jigri minhom?

Yolande Spiteri, mit-taqsima tal-marketing fil-Maltapost tgħid lil TVM.com.mt li ”dawn l-ittri nibgħatuhom l-Arctic Circle, nibgħatuhom għand Santa Klaws innifsu. U hija xi ħaġa sabiħa għax inkomplu nrawmu dak iċ-ċertu entużjażmu dwar il-Milied. Hemm lat reliġjuż li hu importanti ħafna imma hemm ukoll dan lat maġiku li importanti li nkomplu nrawwmu fit-tfal tagħna.”

Fl-uffiċċji tal-Maltapost sibna lill-pustiera jpoġġu dawn l-ittri tat-tfal lil Santa Klaws fil-post biex jintbagħtu l-Arctic Circle. L-ittri jibqgħu magħluqin sakemm jiftaħhom Santa Klaws fl-Arctic Circle. L-uffiċjali tal-Maltapost spjegawlna li hafna drabi t-tfal li fuq l-envelope jiktbu l-indirizz tad-dar tagħhom ukoll,  jafu jirċievu ittra lura mingħand Santa Klaws mill-Arctic Circle.

Għal dan iż-żmien tas-sena biss, il-Maltapost tipproċessa anke l-ittri tat-tfal li jkunu bla bolla minħabba li temmen li għandha tittratta lit-tfal kollha l-istess u b’hekk l-ittri tagħhom kollha jintbagħtu l-Arctic Circle biex b’hekk it-tfal ikollhom tama qawwija li la jasal il-lejl tal-Milied Santa Klaws ikun ġabilhom dak li jixtiequ, dejjem jekk ikunu qagħdu bravi tul is-sena.

Servizz: Fiorella Pace

The post Posta speċjali minn Malta għall-Arctic Circle appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles