Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Problema ta’ parkeġġ fil-Pietà

$
0
0

F’ċerti lokalitajiet aktar minn oħrajn biex issib tipparkja trid tagħmel wegħda . . . speċjalment fost il-ġimgħa u waqt il-ħin tax-xogħol u l-ftuħ tal-ħwienet. Il-Pietà hi waħda minnhom. Għal din l-uġiegħ ta’ ras ta’ kuljum għal ħafna nies, qrib l-isptar San Luqa hemm soluzzjoni iżda ħafna nies xorta jevitawha.

Sitt snin ilu meta l-Isptar San Luqa għalaq il-bibien tiegħu r-residenti tal-Pietà ħadu ftit tan-nifs għall-anqas mill-problema kbira tal-parkeġġ li kien jittieħed mill-mijiet li ta’ kuljum kienu jmorru l-isptar għal raġuni jew oħra. Residenti minn Tal-Pietà li tkellmu maċ-ċentru tal-aħbarijiet qalu li s-sitwazzjoni tal-parkeġġ reġgħet qed toqrob għall-istess livelli tal-2008.

Matul il-ġimgħa, mis-7 a.m. sa filgħaxija l-ispazji kollha għall-parkeġġ prattikament ikunu meħuda. Jattribwixxu dan għal bosta raġunijiet fosthom l-użu tal-Isptar Karin Grech bħala faċilità ta’ riabilitazzjoni u użu ta’ partijiet mill-isptar San Luqa bħall-uffiċini tal-Malta Enterprise. Il-lokalità saret il-post tax-xogħol għal għadd ta’ ħaddiema, l-aktar f’uffiċini, u żdiedu r-residenzi.

Fl-istess ħin, kumpless li nbena bħala parkeġġ u kien jintuża għal dan il-għan fi żmien li l-Isptar San Luqa kien l-isptar ġenerali llum jinsab abbandunat. Dan il-parkeġġ fil-ġenb tal-isptar jesa’ għexieren ta’ karozzi u kien operat bi ħlas minn kumpanija privata f’isem il-Kunsill Lokali tal-Pietà. Mal-għeluq tal-isptar, dan il-parkeġġ tħalla għal riħu. Dak iż-żmien, il-Kunsill Lokali kien iddeċieda li ma kienx viabbli li l-parkeġġ jibqa’ jopera u bi ftehim mad-Dipartiment tal-Artijiet waqqaf l-operat u anke l-kera li kienet titħallas lid-Dipartiment tal-Artijiet, għajr għal ħlas nominali.

parkegg pieta parkegg pieta 4 parkegg pieta 3

Titwila fil-parkeġġ sitt snin wara, ftit huma l-vetturi pparkjati. Għajnejk tmur fuq l-iskart, ħmieġ u vetturi mitluqa fosthom waħda li lura fiż-żmien jidher li kienet tintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ma’ dawn diversi sinjali li l-parkeġġ sar imfittex għal abbużi, saħansitra t-teħid ta’ droga.

Mhux ta’ b’xejn li ħafna jippreferu jqattgħu xi kwarta jduru jew jipparkjaw boghod milli jħallu l-vettura tagħhom ipparkjata hawnhekk. Il-pubbliku jistkerraħ il-post ferm aktar filgħaxija u bil-lejl, billi fil-parkeġġ dlam ċappa, lanqas bozza waħda. tvm.com.mt jinsab infurmat li fir-rondi tagħhom l-Pulizija jżommu għajnejhom spiss fuq dan il-parkeġġ.

Ikkuntattjat minn tvm.com.mt, is-Sindku tal-Pietà Keith Tanti qal li wara bidla fit-tmexxija tal-Kunsill f’Marzu li għadda, mill-ewwel ittieħdet inizjattiva biex il-parkeġġ jerġa’ jintuża u ma jibqax f’dan l-istat. Is-Sur Tanti qal li għaddejjin taħdidiet bejn il-Kunsill u d-Dipartiment tal-Artijiet biex dan il-parkeġġ jerga jibda jintuża u qed jara b’liema mod l-aħjar li dan isir. Is-Sindku tal-Pietà qal li l-kunsill diversi drabi neħħa skart goff iżda sakemm il-post ma jintużax b’mod regolari u organizzat diffiċli li l-kunsill jagħmel il-manutenzjoni li hemm bżonn.

The post Problema ta’ parkeġġ fil-Pietà appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles