Eku wara r-ruling tal-ispeaker li l-bieraħ iddikjara li l-mozzjoni li kienet tresqet fl-2012 għat-tneħħija tal-Imhallef Lino Farrugia Sacco ma tistax tkompli skont ir-regolamenti Parlamentari.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ressaq mozzjoni ġdida għat-tneħħija tal-Imħallef bil-proċeduri issa jridu isiru mill-ġdid quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li trid tinvestiga l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Dr Farrugia Sacco u tagħmel rapport lill-Parlamenti.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
Il-Partit Nazzjonalista iddikjara fi stqarrija li mhux jaqbel ma’ din id-deċiżjoni tal-Gvern għaliex qal li b’dawn il-proċeduri l-Imħallef Farrugia Sacco jilħaq jirtira f’Awissu li ġej. Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern tikser sfaċċatament il-wegħda tal-Prim Ministru li kien intrabat li jimxi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Reazzjoni Segretarju Parlamentari Owen Bonnici:
B’reazzjoni ghal dan is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova ddawwar il-każ Dr Farrugia Sacco f’ballun politiku.
Dr Bonnici sostna li l-Gvern ilu ħafna jgħid li l-liġijiet li jirregolaw il-proċedura u l-operat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, għandhom jinbidlu.
Dr Bonnici qal li jekk wieħed ma jobdix ir-regoli tal-lum, anke jekk huma infeliċi, ikun qed jesponi lill-Parlament għall-potenzjal ta’ sejbien ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali fil-futur possibbilment anke f’fori Ewropej b’konsegwenzi serji fuq l-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
The post Aġġornat: Mozzjoni ta’ Impeachment: Reazzjoni P.N. u S.P. Owen Bonnici appeared first on TVM.