Il-Ministeru tas-Saħħa qal li skont direttiva ġdida tal-unjoni Ewropea, il-Professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu mal-privat, fosthom tobba, spiżjara, u infermiera, huma obbligati li jaraw li huma koperti minn polza ta’ assikurazzjoni xierqa għan-natura u r-riskji li jidħlu għalihom meta jipprovdu servizzi tas-saħħa lill-pazjenti. Din l-assikurazzjoni għandha tkopri lil dawn il-professjonisti f’każ li jkunu imħarrka għal danni ċivili.
Il-Ministeru tas-Saħħa spjega li Malta kienet obbligata li timplementa d-Direttiva Ewropeja dwar d-drittijiet tal-pazjenti sal-25 ta Ottubru illi għadda. Qal li fil-każ ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu mal-gvern, mhu ser jinbidel xejn għaliex il-Gvern se jkompli jipprovdilhom assikurazzjoni f’każ ta’ danni ċivili.
Il-Ministeru fisser li d-Direttiva Ewropea ma tibdel xejn f’dawk li huma każi li jistgħu jinvolvu responsabbiltà kriminali. Din ir-responsabbiltà taqa’ barra mill-ambitu tad-Direttiva u għalhekk xejn ma nbidel f’dan ir-rigward, temmet tgħid l-istqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa.
The post Polza ta’ assikurazzjoni għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa appeared first on TVM.