Il-Minsitru tas-Saħħa Godfrey Farrugia qal li l-qasam tas-saħħa qed ikun evalwat mill-qiegħ biex is-servizzi preżenti jkunu konsolidati, jingħataw servizzi ġodda iżda fl-istess ħin is-saħħa tkun sostenibbli. Dr Farrugia qal dan filwaqt li jinsab għaddej jirrispondi l-mistoqisjiet tal-pubbliku f’laqgħa ta’ sagħtejn li qed issir fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.
Dr Farrugia qal li l-Gvern diġà lesta liġi għal dan il-qasam li ħadet post l-aħħar waħda li saret fl-1935. Qal li kif daħal fil-Ministeru sab 68 miljun ewro f’dejn. Dr Farrugia qal li l-qasam tas-saħħa għandu sfidi kbar u spjega li l-Gvern ser jafas ħafna fuq is-saħħa primarja biex il-poplu jitgħallem iżomm ruħu b’saħħtu.
Il-Minsitru tas-Saħħa qal li l-Gvern ser jintroduċi sistema ta’ vouchers għal diversi servizzi. Spjega li din is-sistema tħares lejn il-bżonnijiet partikolari tal-pazjent filwaqt li l-karta s-safra hija sistema vaga.
Dr Farrugia qal li min għada ser jibda jingħata servizz ta’ kimoterapija f’Għawdex b’ċentru ġdid li ser ikun inawgurat għada b’investiment ta’ €200,000.
Ħabbar wkoll li sar ftehim mal-Queen Mary University of London biex il-Barth Medical School tiftaħ skola medika f’Malta. Qal li din l-iskola ser iġġib f’Malta l-krema tal-istudji mediċi lejn Malta.
Storja: Tony Dimech
The post Lejn qasam tas-saħħa sostenibbli – Ministru Farrugia appeared first on TVM.