Il-Qorti Kostituzzjonali f’żewġ sentenzi ddikjarat li l-poter tal-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi jekk kawża dwar droga tinstemax minn maġistrat jew imħallef, tikser id-drittijiet tal-bniedem għal smiegħ xieraq.
Il-qorti qalet li l-Avukat Ġenerali bħala prosekutur m’għandux ikollu l-poter li jiddeċiedi jekk il-każ jinstemax fil-qorti tal-maġistrati jew fil-qorti superjuri, għax dan ikollu konsegwenza fuq il-piena li tista’ tingħata.
Il-kawża dwar traffikar tad-droga li tinstema’ minn imħallef tista’ twassal għal piena ta’ għomor ħabs waqt li l-qorti tal-maġistrati ma tistax tagħti sentenza ta’ aktar minn 10 snin ħabs.
Il-Qorti Kostituzzjonali tat din id-deċiżjoni f’żewġ sentenzi fuq talba ta’ Joseph Lebrun u Martin Dimech li huma akkużati bit-traffikar tad-droga. Lebrun u Dimech kienu rrappreżentati mill-Avukati Franco Debono u Veronique Dalli li sostnew li bil-prinċipju tal-ġustizzja m’għandux ikun hemm dan l-indħil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
L-avukat Debono qal li se jappella mid-deċiżjoni għax għalkemm il-qorti sabet ksur tad-drittijiet tal-bniedem naqset li tagħti rimedju effettiv lill-akkużat.
The post Kawża tad-droga: L-AĠ mgħandux jiddeċiedi fejn jinstemgħu appeared first on TVM.