Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

“Sistema ġudizzjarja li twieġeb għad-domandi tal-lum u mhux tal-bieraħ”

$
0
0

Inħolqot entità magħrufa bħala JURIC (Justice Reform Implimentation Committee) li tiġbor fiha l-istakeholders ewlenin fis-settur tal-ġustizzja, li għandha l-għan li tiddiskuti internament kull proposta sabiex wieħed jassigura kunsens wiesa’ kemm jista’ jkun.

Dan ħareġ waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li matulha s-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja għamel preżentazzjoni tal-miri ewlenin tal-Gvern fejn tidħol ir-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja abbażi tar-rapport finali magħmul mill-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li ġie ppreżentat lill-Gvern f’Novembru li għadda.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr Owen Bonnici qal li sabiex ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja tkun waħda li tagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu huwa essenzjali li l-isħab soċjali jkunu parteċipi f’dan il-proġett.  Dan għaliex l-isħab soċjali jirrappreċentaw l-aspirazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini f’pajjiżna.

Dr Bonnici qal li l-Gvern irid li jkollna amministrazzjoni tal-ġustizzja li tkun b’saqajha mal-art sabiex terġa’ tikseb lura l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. Qal ukoll li s-sistema tal-ġustizzja għandha tkun waħda li twieġeb għad-domandi tal-lum u mhux tal-bieraħ u waħda li tassigura kontabbilità fuq in-nies li jmexxu lil pajjiżna favur politika nadifa.

Il-Professur Kevin Aquilina, li qed jassisti lill-Gvern fil-proċess ta’ implimentazzjoni tar-rapport finali, qal li l-mira hi l-450 proposta jiġu implimentati fuq medda ta’ tliet snin u ta rendikont dettaljat tal-programm Governattiv fuq dan is-settur.

Fl-istess laqgħa kienet diskussa wkoll il-kompetittività. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarjiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli tkellmet fuq ir-relevanza ta’ dawn iż-żewġ temi u kif jorbtu ma’ xulxin. Dr Dalli qalet li r-riforma fil-ġustizzja se tkun qed tgħin biex Malta ssir aktar kompetittiva.  Sistema ġudizzjarja effiċjenti u effettiva tgħin biex tħajjar aktar investituri jiġu Malta, filwaqt li waħda ineffiċjenti tiskoraġġihom.

Dr Dalli semmiet kif anke l-Kummissjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li Malta għandha bżonn riforma fil-qasam tal-ġustizzja permezz tal-country specific recommendations b’mod partikolari fejn jidħol dewmien biex jiġu deċiżi kawżi li ma jkunux ta’ natura kriminali.

Il-Professur Joe Falzon ta preżentazzjoni ibbażata fuq il-kontribut tas-sħab soċjali wara li dawn intalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq kif tista’ tiżdied il-kompetittività ta’ Malta.

The post “Sistema ġudizzjarja li twieġeb għad-domandi tal-lum u mhux tal-bieraħ” appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles