F’Birżebbuġa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-31 ta’ Marzu, Malta se jkollha ħelsien ieħor, ħelsien mill-kontijiet għolja u mit-trabijiet fl-arja u mill-miljun tunnellata ta’ gassijiet li jniġġsu bil-proġett tal-power station tal-gass. Dr Muscat qal li dawn huma l-aħbarijiet tajba mill-Gvern lill-poplu li jrid jerġa jagħżel bejn il-viżjoni tal-Gvern u t-tbeżżiegħ tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-Oppozizzjoni trid tinżel għarkuptejha u titlob skuża li għamlet miżbla min-naħa t’isfel ta’ Malta bl-impjanti li jniġġzu u kellha pjani għal inċineratur f’Marsaxlokk. Qal li l-proġett tal-power station tal-gass ser isir bl-istudji kollha meħtiega u ser iġib arja nadifa u kontijiet orħos.
Dr Muscat żvela li b’deċizzjoni tal-kabinett fuq parir ta’ Austin Gatt, biex sar l-impjant tal-gass LPG, l-Gvern ħa fuq spallejh r-responsabiltà jekk jiġri xi ħaġa biex ġew injorati l-oġġezzjonijiet tal-awtorità tal-avvjazzjoni kontra dan il-proġett. Żvela wkoll li fuq parir ieħor ta’ Austin Gatt, l-Gvern preċedenti ħafer €800,000 li kienu imposti mill-MEPA fuq il-freeport bħala kumpens lill-kunsill lokali ta’ Birżebbuġa biex isiru proġetti għar-residenti. Dr Muscat qal li l-Gvern qed ifittex parir legali biex il-kunsill ta’ Birżebbuġa jisfida din id-deċizzjoni.
Il-Prim Ministru qal li minflok l-Oppożizzjoni tibqa’ tbeżża dwar il-pjani għall-ħażna tal-gass f’Marsaxlokk ikun aħjar jekk terfa’ ir-responsabilità għal dawn id-deċiżjonijiet fosthom li ma ħaditx l-offerta tal-Italja biex ikollha sehem mill-pipeline bejn l-Italja u l-Libja li għadda mill-ibħra Maltin. Dr Muscat implika li seta’ kien hemm min kellu interess li l-Enemalta tibqa’ taħdem biż-żejt biex ikunu akkomodati ċerti interessi.
Dr Muscat qal li fi ħdan l-Oppozizzjoni hemm min mhux jaqbel mal-linja li qed jieħu Dr Busuttil fuq il-proġett tal-power station tal-gass. Żied jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie hijacked minn grupp estremista, li Dr Muscat qal jista għandu aġenda oħra li mhix politika. Dwar it-tbeżżiegħ li qed isir lill-ħaddiema tal-Enemalta, l-Prim Ministru tahom l-assigurazzjoni tiegħu li jżomm kelmtu magħhom li l-ebda impjieg mhu se jintilef.
Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu s’issa ma spjegax kif minn Ministeru wieħed meta kien delegat tal-Prim Ministru, l-uffiċju legali tiegħu irċieva b’€420,000 f’kuntratti uħud minnhom b’direct order. Qal li hija tal-iskantament kif meta mistoqsi fuq dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’demokrazija hija ħaġa rigressiva li l-Prim Ministru jikkritika lill-Oppożizzjoni.


The post “Aħna niġu b’aħbarijiet tajba” – PL appeared first on TVM.