Tmint ijiem bogħod mit-tmiem tal-Presidenza ta’ George Abela, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Gvern sellem uffiċjalment il-ħames snin ta’ ħidma mwettqa mill-President u s-Sinjura Abela.
Il-President George Abela qal li Malta trid tibża’ għar-reputazzjoni tajba li għandha barra l-pajjiż. Innota li għal bidu n-nomina tiegħu ħames snin ilu ħolqot xi xettiċiżmu, iżda qal li matul il-presidenza sab appoġġ kontinwu tal-poplu tant li llum hi simbolu ta’ għaqda fil-pajjiż.
Tenna li mir-rwol kostituzzjonali, din il-presidenza ppromoviet l-ideat ta’ riformi kostituzzjonali li fi kliemu hemm il-ħtieġa li jsiru fil-pajjiż ħalli tkompli tissaħħaħ l-awtonomija tal-President. Żied li l-President irid iżomm lilu nnifsu ‘l fuq mill-politika, irid iżomm id-distanza miżurata mill-eżekuttiva iżda fl-istess ħin ikun viċin tal-ħidma tal-Gvern.
Qal li ta’ kull tliet ġimgħat kien ikollu laqgħat mal-amministrazzjoni.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-deċiżjoni tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li jinnomina lil Dr Abela bħala President ta’ Malta kienet koretta. Qal li bil-fatti, b’għemilu Dr Abela wera li hu simbolu ta’ għaqda. Fi kliemu Dr Abela se jibqa’ mfakkar għas-sens ta’ enerġija li daħħal fil-Presidenza.
Dr Muscat qal li f’ħames snin il-poplu Malti ta €15-il miljun lil Malta Community Chest Fund. Qal li bix-xogħol tagħha, il-Community Chest Fund għaqdet warajha eluf ta’ Maltin u Għawdxin li nsew dak li jifridhom u fittxew dak li jaqgħadhom.
Il-kap tal-oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li din il-Presidenza hi simbolu nazzjonali ta’ poplu magħqud, ta’ pajjiż barra pajjiżna, simbolu tal-identità ta’ Malta u tal-bandiera Maltija bajda u ħamra. Qal li Dr Abela għaraf iżomm lil’ hinn minn kull tip ta ‘ kontroversja partiġġjana. Tenna li l-Oppożizzjoni tħoss li hi viċin il-President hekk kif kemm ilu Kap tal-Oppożizzjoni kellu kuntatt regolari mal-President.
Fost il-mistednin distinti għal din iċ-ċena, il-President nominat Marie Louise Coleiro Preca, li nhar it-Tlieta mistennija tirriżenja mill-parlament biex jiskata l-proċess biex tinħatar bħala d-disa’ persident tar-Repubblika, it-tieni mara bħala kap tal-Istat fl-istorja ta’ Malta/
The post Il-President: Ħtieġa ta’ riformi kostituzzjonali appeared first on TVM.