Ġimgħa qabel il-ġurament tal-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala d-disa’ President ta’ Malta, illum waranofsinhar tħabbar il-programm uffiċjali.
Il-President nominat għażlet li l-quddiesa tal-inawgurazzjoni ssir fid-Dar tal-Providenza qabel iċ-ċeremonja tal-ħatra fil-Palazz il-Belt. L-għada tal-ħatra tagħha, il-President għandha programm ta’ attivitajiet f’Għawdex.
L-aktar Vulnerabbli fost il-Vulnerabbli hija t-tema li l-President nominata Marie Louise Coleiro Preca għażlet għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tagħha nhar il-Ġimgħa l-4 ta’ April.
Il-programm ta’ kważi sitt sigħat jibda fis-2.00 p.m. mir-residenza tas-Sinjura Coleiro Preca f’Ħal Balzan lejn il-Pjazza ta’ Ħal Luqa.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza tħabbar li l-quddiesa inawgurali magħrufa bħala tal-Ispirtu s-Santu se ssir fid-Dar tal-Providenza.
Melissa Vella, kelliema għal President nominat qalet li kienet ix-xewqa tagħha li din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika ssir fost l-aktar vulnerabbli għax tħossha qrib ħafna ta’ dawn il-persuni.
Wara l-quddiesa, il-President nominata se tagħmel waqfa fil-Pjazza tas-Siġġiewi u wara żżur il-Paroċċi ta’ San Ġorġ u San Bastjan f’Ħal Qormi.
Wara tasal il-Belt Valletta u minn quddiem il-Ministeru, akkumpanjata minn grupp ta’ tfal timxi lejn il-Palazz tal-President, fejn se jkunu mistiedna persuni b’diżabilita, anzjani u tfal.
Xandira diretta fuq TVM
Iċ-ċeremonja tal-ħatra ssir f’seduta Parlamentari fis-Sala tal-Gran Kunsill fejn is-Sinjura Coleiro Preca tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President ta’ Malta biex imbagħad tagħmel l-ewwel diskors tagħha. Wara flimkien ma’ Dr George Abela, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, issellem lill-pubbliku mill-gallarija tal-Palazz.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President tiltaqa’ mal-persuni vulnerabbli fil-bitħa tal-Palazz u fi Pjazza San Ġorġ fejn tingħata s-salut nazzjonali.
Il-programm uffiċjali jintemm fil-Palazz ta’ San Anton fejn s-sinjura Coleiro Preca tiltaqa’ fost oħrajn mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni. TVM ser ixandar dirett l-attivitajiet kollha fi programm maratona li jibda fis-2.00 p.m.
The post Sitt sigħat ċerimonja għall-ġurament tal-ħatra ta’ Coleiro Preca appeared first on TVM.