Karmenu Vella nominat Kummissarju Ewropew
Erba’ deputatati parlamentari, Chris Fearne, Justyne Caruana, Michael Falzon u Chris Agius ġew nominati mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jassumu r-rwol ta’ Segretarju Parlamentari bħala parti mit-tibdil fil-kabinett.
Apparti dan tliet Segretarji Parlamentari, Owen Bonnici, Michael Farrugia u Edward Zammit Lewis inħatru ministri.
Fi stqarrija l-Gvern ħabbar ukoll tibdil fir-responsabiltajiet minsiterjali. Fost oħrajn il-Ministru Konrad Mizzi se jżomm id-dekasteru tal-Enerġija flimkien mar-responsabiltà għas-settur tas-saħħa. Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa se jkun Dr Chris Fearne.
Dr Michael Farrugia ngħata promozzjoni għal Ministru u se jkollu taħt idejh il-qasam tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali. Miegħu fl-istess Ministeru se jkollu lid-deputata Għawdxija Dr Justyne Caruana bħala Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva. Dr Caruana se tkun qed tieħu post Dr Franco Mercieca li ġimgħat ilu wera x-xewqa mal-Prim Ministru li jkompli bil-professjoni tiegħu ladarba jiġi biex jappunta Kabinett ġdid.
Dr Owen Bonnici ngħata wkoll promozzjoni minn Dr Muscat. Huwa se jibqa’ responsabbli mill-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna, iżda ngħata wkoll ir-responsabbiltà tal-qasam kulturali u Gvern Lokali. Fil-Ministeru tiegħu se jkollu lil Dr Stefan Buontempo bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Dr Edward Zammit Lewis li kien qiegħed jissemma għal Ministru tal-Finanzi, se jkun qiegħed jinħatar Ministru għat-Turiżmu flok Karmenu Vella, li se jkun qiegħed jiġi nnominat mill-Prim Ministru bħala Kummissarju Ewropew.
Dan ifisser li l-Ministru Edward Scicluna se jkun qiegħed iżomm ir-responsabbiltà politika tal-Ministeru tal-Finanzi.
Dr Michael Falzon, l-eks-Deputat Mexxej Laburista huwa wkoll wiċċ ġdid fil-Kabinett ta’ Muscat. Huwa se jkun qiegħed jassumi r-responsabbiltà għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, qasam li kien taħt Dr Michael Farrugia.
Wiċċ ieħor ġdid fil-Kabinett ta’ Muscat huwa Chris Agius, deputat mit-Tieni Distrett li se jkun Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Dr José Herrera se jibqa’ fil-kariga ta’ Segretarjat Parlamentari, iżda se jkun responsabbli mill-oqsma tal-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar immexxi mill-Ministru Chris Cardona.
Il-ħatriet se jidħlu fis-seħħ min-nhar l-Erbgħa, 2 ta’ April, wara li Marie Louise Coleiro Preca tinħatar uffiċjalment President ta’ Malta.
Is-Sur Carmelo Abela se jibda jaqdi l-funzjoni ta’ Kelliem għall-Gvern filwaqt li jżomm il-funzjoni tiegħu ta’ Whip. Mill-banda l-oħra, id-deputat Tony Agius Decelis se jkun il-Kummissarju kontra l-Burokrazija, kariga li kienet okkupata minn Dr Michael Falzon.
The post Aġġornat: Jitħabbar il-Kabinett il-ġdid – Erba’ wċuħ ġodda appeared first on TVM.