Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi ħabbar li l-impjegati mal-kuntrattur li qegħdin jitħallstu €4.50 fis-siegħa se jaraw żieda fil-paga tagħhom waqt li fix-xhur li ġejjin se jingħataw l-opportunità li jsiru tal-post.
Il-Ministru Mizzi ħabbar dan waqt zjara li għamel fil-bini tal-kumpanija Arms Ltd fil-Blata l-Bajda.
Dr Mizzi qal li l-Gvern ftiehem mal-kuntrattur li mill-bidu ta’ Mejju s-salarju jiżdied minn €4.50 fis-siegħa għal €6.50 s-siegħa. Qal li dan se jagħmel differenza qawwija fid-dħul tal-impjegati waqt li fix-xhur li ġejjin se toħroġ sekma biex il-ħaddiema japplikaw u jiġu tal-post.
Iż-żjara tal-Ministru Mizzi lill-impjegati tal-ARMS saret bl-iskop li jirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li għamlu biex mill-aħħar ta’ Marzu raħsu l-kontijiet.
Dwar l-iskandlu tat-tbagħbis tal-ismart meters, il-Ministru Mizzi enfasizza li l-perjodu li fih in-nies setgħu jersqu ‘l quddiem biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom mal-Enemalta jiskadi llum, bil-Gvern issa qed jaħdem biex iżid il-multi għal dawk li ma resqux ‘il quddiem.
Dwar dan il-każ il-Ministru qal li fil-ġimgħat li ġejjin aktar nies se jitressqu l-qorti waqt li mal-400 persuna ressqu ‘l quddiem biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.
Il-Ministru Mizzi ħabbar ukoll li bħala parti mir-riforma fl-ARMS, il-kumpanija se tkun qed tiftaħ numru ta’ fergħat madwar Malta u Għawdex, bl-ewwel wieħed jiftaħ fil-Belt Valletta, filwaqt li diversi uffiċini se jiġu ttrasferiti għal Ħal Luqa.
The post Mal-40 ħaddiem fl-ARMS mhux se jibqgħu bil-prekarjat appeared first on TVM.