Il-familja ta’ tarbija Pakistana li tinsab akkużata b’attentat ta’ qtil qalu li kienu mġiegħla jistaħbew wara pressjoni qawwija li saret fuqhom mill-pulizija. Dan wara li l-Pulizij qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ umiljazzjoni nazzjonali dwar dan l-inċident.
Uffiċjal tal-pulizija kien sospiż waqt li kienet ordnata inkjesta uffiċjali dwar kif tarbija ta’ disa’ xhur spiċċat akkużata f’Lahore li ħa sehem f’rewwixta f’waħda mill-islums li hemm fil-belt.
Il-midja tal-pajjiż kritikat b’qawwa l-assurdità tal-akkużi li ħarġu fil-konfront tat-tarbija li saħansitra kellha tattendi għas-seduta fil-qorti l-ġimgħat li għaddiet. Matul din is-seduta t-tifel beda jogħxa x’ħin bdew jeħdulu l-marki tas-swaba’ u kellhom jikkalmawh bi flixkun tal-ħalib.
Dan l-episodju tefa’ dawl qawwi dwar is-sistema ġudizzjarja farseska li hemm fil-Pakistan fejn pulizija mhux imħarrġa u mħallsa jistgħu joħorġu akkużi foloz li jistgħu jwasslu biex persuni innoċenti jispiċċaw intortament il-ħabs.
“Irridu niċċaqilqu għal post sigriet għax aħna fqar u l-pulizija qegħdin jagħmlu pressjoni fuqna biex jimmanipulaw il-każ,” qal in-nannu tat-tarbija.
Huwa ċaħad l-istqarrijietrrapportati fil-midja Pakistana mill-pulizija fejn ingħad li l-familja tellgħet “it-tarbija żbaljata” quddiem il-Qorti biex ixxejjen il-każ tal-pulizija.
Musa, it-tarbija ta’ disa’ xhur, kien fost ħames persuni li ġew identifikati f’dokument tal-pulizija magħruf bħala First Information Report wara inkwiet li nqala’ f’żona f’Lahore meta ħaddiema ta’ kumpanija tal-gass marru biex jaqtgħu l-provvista ta’ dawk li ma ħallsux.
Skont ir-rapport miktub minn spettur li issa ġie sospiż, Musa flimkien mal-akkużati l-oħrajn ipprova joqtol lill-ħaddiema tal-gass u l-pulizija li kienu magħhom billi bdew jitfgħulhom il-ġebel.
L-akkużi fil-konfront tat-tfal huma rari f’dan il-pajjiż, għalkemm hemm eżempji ta’ tfal żgħar li spiċċaw maqbuda fil-liġijiet assurdi tal-pajjiż u li kienu kkritikati bl-aħrax minn gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem.
Dwar dan il-każ il-Ministru tal-Intern Shahbaz Sharif ordna inkjesta, waqt li l-imħallef talab spjegazzjoni lill-pulizija wara li ta l-ħelsien mill-arrest lil Musa sas-smiegħ tas-seduta li jmiss.
The post Tarbija ta’ disa’ xhur akkużata b’attentat ta’ qtil appeared first on TVM.