Ħdax-il priġuniera nisa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qegħdin jieħdu kors ta’ ħjata fil-ħabs u lestew xogħlijiet ta’ purtieri bir-riżultat ikun li diġà hemm fabbrika li wriet interess fix-xogħol tagħhom.
Ir-residenti nisa fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin qed jingħataw l-opportunità li jitgħallmu l-ħjata u fl-istess waqt juru t-talenti tagħhom. Hdax-il residenta, tnejn minnhom Maltin, urew interess fil-kors ta’ ħjata fil-ħabs li qed jingħata mill-istilista Marygrace Pisani.
Huma se jitħallsu tax-xogħol li jagħmlu iżda l-flus se jidħlu f’kont bankarju u, ħlief għall-eċċezzjonijiet żgħar, ikunu jistgħu jużawhom biss meta joħorġu mill-ħabs.
Marygrace Pisani spjegat li diġà hemm fabbrika li wriet interess fix-xogħol tal-purtieri ta’ dawn in-nisa u mill-ġimgħa d-dieħla r-residenti tal-ħabs se jkunu qed jaħdmu fuq ordni li daħlet mill-fabbrika.
Kompliet tgħid li dejjem kienet ix-xewqa tagħha li tagħti kors bħal dan fejn spjegat li tixtieq li dan il-kors ikun għalihom ta’ pjattaforma għall-ħajja tagħhom.
Tkellimna ma’ waħda mill-ħabsin li ħadmet fuq il-purtieri, Candeliera Vasquez, li hi mir-Repubblika Dominicana. Saqsejniha x’inhuma l-pjani tagħha issa li rnexxielha titgħallem kif tagħmel il-purtieri.
Is-sinjura Michelle Muscat, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, qalet li Marygrace Pisani, bit-talenti tagħha mhux biss se tgħin lil dawn in-nisa l-ħabs iżda wkoll tkun ta’ ispirazzjoni għalihom huma u jitħejjew biex joħorġu fis-soċjetà.
The post Se jaħdmu mill-ħabs għall-kumpanija privata appeared first on TVM.