Il-parking u d-dewmien biex joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-ilmenti li jsiru minn studenti universitarji u dawk tal-Junior College. Il-President elett tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji qal li dawn se jibqgħu prijoritajiet għall-ħidma tal-kunsill il-ġdid għas-sena li ġejja.
Il-President tal-Istudenti Demokristjani Maltin, l-SDM, li rebħu l-elezzjonijiet u d-dritt ghat-tmexxija tal-KSU li jirrappreżenta lill-istudenti tal-Università u tal-Junior College elenka il-prijoritajiet tal-programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-kampus tal-Università.
Gayle Ayll Callus li se jieħu t-tmun tal-kunsill studenti universitarji f’Ġunju qal li l-ħidma tal-KSU se tiffoka l-iktar fuq it-tisħih tar-relazzjonijiet mal-korp akkademiku biex jitnaqqas id-dewmien fil-ħruġ tar-riżultati tal-eżamijiet. Huwa semma kif il-maġġoranza tal-ilmenti li jitressqu mill-istudenti huma relatati ma’ dan in-nuqqas.
F’din l-elezzjoni ivvutaw terz tal-istudenti elegibbli. L-SDM kisbu kważi 61 tal-voti mitfugħa. Is-sur Callus qal li prijorità oħra tal-KSU se tkun li l-organizzazzjonijiet kollha tal-istudenti jaħdmu flimkien l-iżjed fl-oqsma tal-politika soċjali.
Qal li dan se jsir b’tibdil fl-istrutturi tal-komunikazzjoni tal-kunsill biex dokumenti dwar il-policies li jolqtu lill-istudenti ikunu jirriflettu aħjar l-fehmiet u l-pożizzjoni tal-istudenti.
The post Il-parkeġġ u d-dewmien tar-riżultati, l-prioritajiet tal-ħidma tal-KSU appeared first on TVM.