Il-Maltin fl-Awstralja baqgħu jgħożżu ħafna mit-tradizzjonijiet ta’ art twelidhom mill-festi sal-ikel u l-mużika . . . issa wkoll il-qaddisin!
Maltin f’Sydney ikkummisjonaw lil artist mill-Mosta biex jaħdmilhom statwa ta’ San Ġorġ Preca.
Fl-aħħar ħames xhur, l-iskultur Mosti Shaun Saliba qatta ftit ħin mhux ħażin biex ħadem xbieha ta’ San Ġorġ Preca, il-fundatur tal-MUSEUM.
L-istatwa maħduma fil-karta pesta, f’għoli ta’ ħames piedi hija l-aħħar xogħol li għamel l-iskultur żgħażugħ u li se titgawda mill-komunità Maltija, f’Sydney, l-Awstralja.
Ma’ tvm.com.mt, Shaun stqarr li waħda mill-akbar sfidi li kellu biex għamel din l-istatwa, kien ix-xebħ tal-wiċċ minħabba li ried iqarreb kemm jista’ jkun lejn wiċċ ta’ San Ġorġ.
Din mhix l-ewwel statwa li Shaun ħadem għall-Awstralja, bil-każin La Vallette fejn tinġabar il-komunità Maltija f’Sydney, diġa għandu żewġ statwi oħra taż-żgħażugħ Mosti.
Il-komunità Maltija f’Melbourne ukoll għandha tifkira ta’ San Ġorġ Preca, b’bust inawgurat mill-President Eddie Fenech Adami fi żjara fi Frar 2009.
Lil hinn minn dawn it-tifkiriet iżda, fl-Awstralja l-M.U.S.E.U.M. hu ħaj b’ċentri tad-duttrina għat-tfal subien u bniet f’diversi bliet.
The post San Ġorġ Preca f’Sydney appeared first on TVM.