Mniedi proġett ta’ tisbieħ fi tliet oqsma tad-djar tal-Gvern – Dockyard Terrace fl-Isla, Kordin Housing Estate f’Raħal Ġdid u dak ta’ San Pawl il-Baħar.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-housing estate ta’ San Pawl il-Baħar, il-Ministru għall-familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li minbarra t-tisbih tal-blokkok, l-programm se jinkludi ukoll t-tisbiħ tal-madwar b’konsultazzjoni mar-residenti.
Fit-tliet oqsma hemm mat-80 appartament, bil-Ministru Farrugia jgħid li bix-xogħol li ser isir għandha titjib il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Qal li ġew allokati kważi €700,000 għax-xogħol li ser isir f’dawn it-tlett oqsma tad-djar.
Dr Farrugia qal li għal dawn il-proġetti se toħroġ sejħa ta’ interess u x-xogħol għandu jitlesta bejn sitta u disa’ xhur oħra.
Semma ukoll ix-xogħol li qed isir fil-housing estate taċ-Ċawla f’Għawdex li jinkludi il-manutenzjoni tas-soqfa u l-installazzjoni tal-panelli fotovoltajċi.
Il-Ministru qal li x-xahar id-dieħel l-Awtorita tad-djar se tippubblika l-lista tal-persuni li ikkwalifikaw biex jixtru 46 appartament bi prezz sussidjat.
Qal li bħalissa l-Awtorita’ tad-djar għaddejja b’ħidma u diġa ħarġet sejħa għall-proposti biex jinbnew aktar appartamenti bejn il-Gvern u l-Privat.
Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta’ 773 appartament f’Malta u Għawdex, bil-Ministru Farrugia jgħid li l-Gvern se jmur l-ewwel għall-binjiet diġa eżistenti biex jingħataw lil familji li għandhom bżonn akkomodazzjoni soċjali.
The post Tisbiħ fi tliet housing estates appeared first on TVM.