Għadd ta’ nies li kienu qed jaraw logħba football tat-Tazza tad-Dinja f’Damaturu, in-Niġerja, mietu u għexieren indarbu f’attakk terroristiku meta sewwieq ta’ taxi sploda lilu nnifsu f’nofshom. Il-midruba, ħafna minnhom gravi għax spiċċaw bla saqajn u/jew idejn, ittieħdu l-isptar fi trukkijiet. Damaturu hija l-kapitali tal-istat Yobe li kemm-il darba safa’ attakkat mill-grupp militant Iżlamiku Boko Haram.
Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, Ban Ki-moon, ħeġġeġ lill-Iraqqin jingħaqdu biex tintemm il-vjolenza settarja li bdiet aktar kmieni dan ix-xahar u li s’issa ħalliet mijiet mejta. Meta tkellem f’Ġinevra, Ban qal li huwa mħasseb ħafna bis-sitwazzjoni fil-pajjiż, fejn is-sigurtà qed dejjem tmur għall-agħar. Huwa wera dispjaċir għal rapporti li membri tal-Istat Iżlamiku u l-Levant, l-ISIL, qed joqtlu qawwiet tal-gvern li jkunu ċedew.
Sadanittant, il-Prim Ministru Iraqi Nuri al-Maliki keċċa erba’ uffiċjali għolja tal-armata wara li l-gvern tilef it-tieni l-akbar belt, Mosul, li issa tinsab f’idejn ir-ribelli. Huwa qed iżommhom responsabbli li ma kienux kapaċi jżommu lis-suldati milli jaħarbu juejn qabel beda l-attakk tal-ISIL. Rapporti jgħidu li r-residenti f’Bagdad qed jaħżnu ikel u ilma hekk kif jidher li r-ribelli qed javvanzaw.
Il-President Vladimir Putin u dak Ukren, Petro Poroshenko, tkellmu dwar il-possibiltà li jkun hemm waqfien tal-ġlied fix-xlokk tal-Ukrajna. L-iżvilupp wasal wara li mietu ġurnalista u sound recorder engineer tat-TV Russa f’attakk tal-gvern Ukrern fuq ir-ribelli f’Lugansk. Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, dal-lejl talab inkjesta dwar l-imwiet.
Ġurnalista tal-al Jazeera, Abdullah Elshamy, inħeles mill-ħabs fl-Eġittu wara deċizjoni tal-qorti. Huwa kien ilu jagħmel strajk tal-ġuħ fuq tliet xhur bi protesta għall-fatt li kien qed jinżamm il-ħabs mingħajr anqas biss akkużawh b’xi reat. Tliet ġurnalisti oħra tal-al Jazeera għadhom il-ħabs fil-Kajr.
Il- BBC jirraporta li waħda mill-bolol l-aktar rari fid-dinja (ritratt) inbiegħet f’irkant fi New York għas-somma rekord ta’ $9.5 miljun. Hija bolla ta’ ċenteżmu tal-British Guiana u jingħaq li hija l-unika waħda li għad baqa’ minn għadd ta’ bolol tal-kolonja Ingliża fl-1856.
Il-prosekuzzjoni fi Spanja talbet lill-imħallef li qed jisma’ x-xhiedha f’każ fejn il-player tal-football Arġentin Lionel Messi huwa mixli b’evażjoni ta’ taxxa, biex ma jkomplix bil-każ. Huma qalu li huwa missier il-player li huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-finanzi ta’ ibnu.
The post L-aħħar aħbarijiet internazzjonali… appeared first on TVM.