Il-Kunsilli Lokali jibbenefikaw minn kważi €9 miljun ta’ fondi mill-Mepa
Tmien kunsilli lokali se jibbenefikaw minn aktar minn €300,000 mill-MEPA wara li l-proġetti tagħhom issodisfaw il-kriterji meħtieġa sabiex jirċievu finanzjarjament permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Urban (UIF). Id-9 proġetti, li qed jiġu ffinanzjati b’mod sħiħ mill-Awtorita’, huma speċifikament immirati lejn titjib tal-kwalitá tal-ħajja għar-residenti li jgħixu f’dawn il-lokalitajiet.
Il-lokalitá tal-Marsa se tibbenefika minn żewġ proġetti li jinkludu l-pavimentar ġdid u armar tat-toroq fil-pjazza San Vinċenz u tisbiħ għaż-żona madwar il-Knisja Parrokkjali.
Fi Triq in-Naħal fin-Naxxar, il-proġett jinkludi l-installazzjoni ta’ dawl ġdid, l-iżvilupp ta’ ċisterna tal-ilma taħt l-art, soft landscaping u xogħlijiet ta’ pavimentar, gazebo tal-injam u bankijiet tal-ġebel. Il-kunsilli lokali tal-Imqabba, ta’ Kerċem u tal-Mosta kollha se jwettqu proġetti separati biex itejbu u jsaħħu s-sigurtà ta’ playing fields fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Il-kunsill lokali Għawdxi taż-Żebbuġ kiseb fondi li bihom se jsebbaħ ix-xatt ta’ Marsalforn b’ilqugħ ġdid tal-ferro battuto u sistema ġdida tad-dawl għaż-żona fil-punent ta’ Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar. Il-kunsill lokali tal-Isla se jwettaq proġett li jibdel u jinstalla dawl ġdid tat-triq energy saving fi Triq il-Miġja tal-Papa waqt li fin-Nadur, il-kunsill lokali ppjana li jbiddel u jinstalla bins ġodda u aktar attrezzati f’numru ta’ pjazzez.
Biex jiġu ndirizzati l-impatti ambjentali u tas-sigurtà li ċerti siti vakanti joħolqu f’żoni urbani, l-Awtorità issa għamlitha wkoll possibbli għall-kunsilli lokali biex jużaw il-Fond għall-Iżvilupp Urban (UIF) biex jitnaddfu u jittella’ ħajt madwar dawn is-siti. F’diversi okkażjonijiet xi siti vakanti fiż-żoni urbani, qed jiġu użati minn individwi bħala postijiet possibbli għal rimi ta’ skart domestiku u oġġetti aktar goffi. Ir-riżultat nett huwa li l-ambjent urban tal-madwar jitħalla jikrieh. Dawn il-kundizzjonijiet ukoll jagħtu lok ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurta’ għaċ-ċittadini.
Permezz ta’ dan il-fond li kien imniedi fl-2006, l-Awtorita’ investiet kwazi mad-€9 miljun fuq 262 proġett. Il-Fond għall-Iżvilupp Urban (UIF) iġib miegħu opportunitajiet għall-kunsilli lokali sabiex jipproponu u jimplimentaw proġetti lokali li huma sostenibbli u joħolqu postijiet isbaħ fejn jgħixu r-residenti.
The post Tmien lokalitajiet se jgawdu minn proġetti ta’ titjib b’fondi tal-MEPA appeared first on TVM.