Fil-jiem li ġejjin l-awtoritajiet Ġermaniżi se jressqu talba fil-Qorti biex it-tfal Ġermaniżi li nstabu f’appartament f’Marsalforn nhar is-17 ta’ Ġunju jintbagħtu lura l-Ġermanja. Dan ikkonfermaħ il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti li qal li l-awtorità Maltija qiegħda f’kuntatt ma dik Ġermaniża biex isir il-proċess legali biex it-tfal jittieħdu lura lejn pajjiżhom.
Fl-appartament fejn kien qed jgħix Jeremiah li nstab jiġri f’għalqa f’Marsalforn, il-pulizija sabu lil ommu Sabrina u l-ħuh Jaydan flimkien ma’ mara oħra b’ħames xhur tqala u bintha u mara oħra li magħha kellha lil ommha u ż-żewġ uliedha.
Uffiċjali mis-Servizz tal-Ħarsien tat-Tfal ħadmu id f’id mal-pulizija f’Għawdex biex it-tfal jitneħħew minn xi periklu li setgħu kienu qegħdin fih.
L-appartament fejn instabu huwa propjetà ta’ Markus u Sonja Bergfeld li jmexxu l-Fondazzjoni Chalk Circle li tagħti refuġju lil ommijiet li jkunu jridu jevitaw li l-Youth Welfare Office tal-Ġermanja jiħdilhom lil uliedhom.
Il-ġurnal it-Torċa rraporta li l-omm Sabrina kellha trobbija diffiċli minħabba li l-ġenituri tagħha kellhom problema tal-alkoħol u eventwalment spiċċat biex kellha tliet itfal minn tliet irġiel differenti. It-tifel il-kbir kien ittieħed mill-kustodja tagħha mill-awtoritajiet Ġermaniżi u beda jgħix f’foster home filwaqt li nfetħet kawża biex jittieħdulha anki ż-żewġt itfal l-oħra. B’hekk ma kellha l-ebda għażla ħlief li titlaq minn pajjiżha u tiġi Malta bil-għajnuna tal-Fondazzjoni Chalk Circle, minħabba li Malta huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li m’għandux Youth Welfare Office.
L-omm Sabrina flimkien mal-persuni l-oħra li nstabu fl-appartament qed jinżammu taħt arrest mill-pulizija filwaqt li t-tfal qed jinżammu mill-Aġenzija Appoġġ.
The post Jitolbu li t-tfal Ġermaniżi jintbagħtu lura pajjiżhom appeared first on TVM.