Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Politika biex l-ommijiet jibqgħu jreddgħu lil uliedhom sa sitt xhur

$
0
0

Bħala parti mill-istrateġija li tindirizza l-obeżità, il-Gvern fassal dokument għall-konsultazzjoni li jiffoka fuq il-ħtieġa li t-trabi jingħataw il-ħalib tal-omm mill-inqas fl-ewwel sitt xhur mit-twelid.  Dan tħabbar dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne f’TVAM.  Huwa żvela kif din il-politika taħseb għall-ħolqien ta’ spazji pubbliċi fejn in-nisa jkunu jistgħu jreddgħu lil uliedhom, miżura li mistennija tbiddel il-mentalità fost il-ġenituri biex jagħtu ikel nutrittiv lit-tfal sa minn età bikrija ħafna.

Bejn l-2008 u l-2012 ġiet irreġistrata żieda ta’ 20% fost it-tfal Maltin bejn is-seba’ u l-11-il sena li għandhom piż żejjed jew saħansitra huma obeżi. Ċifri uffiċjali juru li kważi 47% tat-tfal ta’ 11-il sena kienu qed jiffaċċjaw din il-problema.  Dan ipoġġi lil Malta bħala wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja bl-ogħla rata ta’ obeżità u b’piż żejjed. Fost l-adulti r-rata tkompli tikber għal 22% tal-Maltin huma obeżi u 36% oħra għandhom piż żejjed u b’hekk Malta għandha l-ogħla rata ta’ rġiel obeżi u t-tielet l-ogħla ta’ nisa obeżi fl-Unjoni Ewropea.

Skont is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, l-obeżità hija problema li twassal għal mard ieħor bħall-kanċer, mard tal-qalb u bosta kundizzjonijiet oħra.  Meta kien qed jieħu sehem f’TVAM, huwa ħabbar li l-Erbgħa se tiġi ppubblikata politika ġdida li se tħajjar lin-nisa jibqgħu jagħtu lit-trabi l-ħalib tagħhom imqar sal-età ta’ sitt xhur bil-għan li jonqsu r-riskji f’saħħet it-tfal inkluż dawk marbuta mal-obeżità.

Is-Sur Fearne qal li bħalissa hawn mas-70% tan-nisa li jibqgħu jreddgħu lil uliedhom, rata meqjusa bħala fost l-anqas fl-Ewropa, u għaldaqstant il-mira hija li din iċ-ċifra taqbeż id-90%.  Il-benefiċċji tat-treddigħ lit-tfal mhux marbut biss ma’ saħħet it-tfal, minħabba li jnaqqas ir-riskju ta’ kanċer fost in-nisa. Għaldaqstant, il-Gvern qed jipproponi numru ta’ miżuri biex iħajjar iktar nisa jirrikorru għall-breastfeeding.

Min-naħa tiegħu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech kellu reazzjoni inizjali pożittiva għall-policy dwar il-breastfeeding. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jikkontribwixxi fil-konsultazzjoni pubblika li se titnieda b’rabta ma’ dan id-dokument ta’ politika, li qal jinkwadra fl-abbozz ta’ liġi li għadu kif tressaq mill-Oppożizzjoni biex tiġi indirizzata l-obeżità.

The post Politika biex l-ommijiet jibqgħu jreddgħu lil uliedhom sa sitt xhur appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles