L-awtoritajiet Ġermaniżi qegħdin jittrattaw il-każ tat-tfal misjuba f’appartament f’Għawdex ġimagħtejn ilu bħala każ ta’ ħtif.
Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Appoġġ ikkonferma ma’ tvm.com.mt li din il-ġimgħa bdew il-proċeduri fil-Qorti dwar is-sejba ta’ tfal li ġew irrapportati nieqsa fil-Ġermanja u nstabu f’appartament f’Marsalforn, Għawdex.
Is-Sur Grixti qal li dan il-każ qiegħed jiġi trattat mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali bħala l-awtorità ċentrali Maltija, mill-Awtorità Ċentrali tal-Ġermanja flimkien mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa spjega li ladaraba ma kienx hemm il-kunsens tal-missirijiet biex it-tfal jinġiebu Malta, l-awtoritajiet Ġermaniżi qed iqisu dan il-każ bħala ħtif u għalhekk ħafna aktar delikat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Appoġġ żied jispjega li bħalissa l-awtoritajiet Maltin u dawk Ġermaniżi qegħdin f’kuntatt kontinwu biex tinġabar id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex dak li titlob il-Qorti Maltija jingħata b’mod korrett.
L-omm tibqa’ tinżamm arrestata
B’rabta ma’ dan il-każ omm Ġermaniża ta’ 30 sena tressqet il-Qorti akkużata b’abbandun ta’ tfal wara li binha ta’ erba’ snin instab waħdu f’xi għelieqi f’Marsalforn.
Il-mara ngħatat il-ħelsien mill-arresta fuq garanzija ta’ €3,000, madankollu hija ma kellhiex biex tħallas dan l-ammont u għalhekk għadha tinżamm arrestata.
Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija, irriżulta li t-tifel kien qed jgħix f’residenza f’Marsalforn ta’ Markus u Sonja Bergfeld, koppja Ġermaniża li jmexxu l-Fondazzjoni Chalk Circle li tagħti refuġju lil ommijiet li jkunu jridu jevitaw li l-Youth Welfare Office tal-Ġermanja jeħdilhom lil uliedhom. Fl-appartament instab li qed jgħixu tliet nisa u ħamest itfal, żewġ subien u tlett ibniet li għandhom bejn ħamsa u sitt snin, kollha rrapportati nieqsa fil-Ġermanja mill-missirijiet tat-tfal.
Fil-preżent dawn it-tfal qegħdin jinżammu kollha taħt il-kura u l-kustodja tal-Aġenzija Appoġġ.
The post It-tfal misjuba f’Marsalforn: każ ta’ ħtif għall-Ġermaniżi appeared first on TVM.