L-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli rreaġixxa għal diskors li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil fil-Parlament u sostna li bħal Don Qixott, Dr Busuttil lebbet biex jattakka lil dawk li jobgħod l-aktar.
Fi stqarrija kmieni dalgħodu huwa qal li fil-Parlament, Dr Busuttil qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Zammit kiser il-liġi Ewropea għax ma kkollaborax mal-OLAF.
Is-Sur Dalli qal li hu sajjem għal kollox minn din l-affari, però, bħala parti interessata, billi skont hu huwa l-mira prinċipali tal-attakk ta’ Dr Busuttil, staqsa jekk hu għandux xi informazzjoni minn ġewwa, mill OLAF jew mill-Kummissjoni li magħhom qed jikkopera b’tant ġenerożità, għat-talba li għamlet l-OLAF lill-Pulizija lokali.
“Jekk le, allura dan min hu biex jagħamilha tal-imħallef jekk m’għandux il-fatti,” staqsa Dalli.
Huwa fakkar li dan ġara wkoll f’Lulju tal-2012 meta Dr Giovanni Kessler qal li vvinta suspett mis-sħab li seta’ kien hemm frodi ta’ flus Ewropej minn pizzerija lokali biex ikollu skuża jiġi Malta u jinterroga ċittadin Malti li fil-fatt ma kellu ebda dritt jagħmel. Biex jagħmel dan, qal Dalli, Kessler ta permess lilu nnifsu, bħala l-investigatur ewlieni fil-każ, biex jibdel l-iskop tal-investigazzjoni darbtejn fi żmien ħamest ijiem. “Dan wara li b’tant għaġġla jien ftaħt l-investigazjoni wara biss ftit sigħat minn meta, skont hu, rċieva l-allegazjoni ta’ Swedish Match mingħand il-Kummissjoni”. Qal li s-Supervisoy Committee, li kienet ġiet imwaqqfa mill-ParlamentEwropew biex jissorvelja l-operat tal-OLAF, ikkritikat bl-aħrax lil OLAF għal dawn l-abbużi.
Dalli staqsa jekk Dr Busuttil li dak iż-żmien kien membru tal-Parlament Ewropew dendilx il-geddum meta l-Partit Popolari Ewropew iddeċidew li kellhom jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni biex joħorġu l-fatti kollha fil-każ tiegħu.
Qal li dak iż-żmien ukoll id-Direttur tal-AFCOS f’Malta, li għandha wkoll l-awtorità u d-dmir li tipproteġi liċ-ċittadin Malti minn abbużi ta’ istituzzjonijiet Ewropej, ma vverifikatx il-bażi legali tal-investigazzjoni li ried jagħmel Dr Kessler f’Malta. Argumenta li mill-qrati, lanqas ma aċċertat li l-persuna li kien se jiġi interrogat jingħata pre avviż skont kif stipulat fir-regolamenti. Minflok qal Dalli, din ħalliet li tingħata karta miktuba bl-idejn li d-data fuqha tpoġġiet, bi frodi, bħala li kienet ta’ jumejn qabel.
Dalli temm jgħid li Dr Busuttil għandu jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin mhux l-abbużi ta’nies bħal Dr Kessler.
The post Dalli: Busuttil lebbet biex jattakka lil dawk li jobgħod l-aktar appeared first on TVM.