Madwar 60 siegħa ta’ awtopsji fl-Isptar Mater Dei biex ġiet stabbilità l-kawża tal-mewt tad-29 immigrant li l-Ħadd li għadda ddaħħlu f’Malta wara li għerqu fl-istiva tal-vapur li kien ippakkjat daqs bajda bl-immigranti.
Dr Mario Scerri, l-espert forensiku li mexxa l-awtopsji fuq id-29 kadavru ċaħad rapporti fil-midja Taljana li wħud minnhom inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina.
Dr Scerri qal li mill-awtopsi rriżulta li kien hemm 28 raġel u mara. Huwa spjega l-ħidma li saret biex setgħu saru l-awtopsji fuq il-kadavri li bdew il-Ħadd filgħaxija u ntemmu matul in-nofstanhar ta’ dalgħodu. Qal li dan kien xogħol estensiv għax meta jkollok kadavri li ma jkunux identifikati jkunu jridu jittieħdu kampjuni tad-DNA tagħhom biex ikollhom sosrs ta’ identifikazzjoni.
L-espert forensiku spjega li l-kadavri jkunu jistgħu jindifnu biss wara li ssir l-awtopsja biex tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt tagħhom. Qal li kif ikollhom profil tad-DNA tagħhom, il-Qorti tordna d-difna tal-kadavru.
Qal li b’dan il-mod ikunu jistgħu jqabblu d-DNA ma’ tal-qraba tagħhom f’każ li jistaqsu għalihom.
Dr Scerri faħħar ix-xogħol li għamel id-Dipartiment tas-Saħħa biex organizza l-kamra mortwarja fejn tqiegħdu 29 kadavru. Qal li kellhom spazju għal ferm aktar minn hekk. Huwa qal ukoll li ma kien hemm ebda problema bit-tim ta’ tobba li ħadem fuq l-awtopsji.
The post Mas-60 siegħa ta’ awtopsji fuq id-29 kadavru li ddaħħlu f’Malta appeared first on TVM.