L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tħeġġeġ lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien, jieħu l-miżuri kollha neċċessarji biex tkun implimentata l-liġi dwar il-Guardianship. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dan hu servizz importanti mhux biss biex pajjiżna jkun konformi mal-Konvezjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda, imma ukoll għaliex il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali għandhom ħtieġa ta’ dan is-servizz.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabilità Stephen Spiteri qal dan waqt laqgħa li kellu dalgħodu maċ-Chairperson il-ġdid tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna. Stephen Spiteri kien akkumpanjat mill-membri tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista. Hu ħa l-opportunita sabiex isellem liċ-Chairman preċedenti Joe Camilleri u rringrazzjaħ tax-xogħol tiegħu f’din il-Kummssjoni.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista japrezza l-impenn u l-ħidma ta’ din il-Kummissjoni u jirrikonoxxi li din hi strument importanti ħafna fil-qasam tal-persuni b’diżabilità u se jkun qed jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex din tkompli tissaħħaħ fil-futur. Spiteri fakkar kif f’din il-leġislatura, l-Oppożizzjoni ressqet emenda Kostituzzjonali sabiex tkun eliminata kull tip ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, u stieden lilll-KNPD sabiex tappoġja din l-inizjattiva.
Fl-istess waqt, sostna Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista hu imħasseb għaliex f’dawn l-aħħar 18-il xahar ta’ Gvern Laburista ma sar xejn biex il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità jserrħu rashom dwar x’se jiġri minn uliedhom meta huma ma jkunux jistgħu jibqgħu jieħdu ħsiebhom. Spiteri qal li l-aħjar soluzzjoni f’dan ir-rigward hi l-proposta tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar programm elettorali, jiġifieri li titwaqqaf taqsima legali fl-Aġenzija Sapport biex kull persuna b’diżabilità jkollha pjan għall-ħajja li permezz ta’ kuntratt legali l-Gvern jintrabat x’servizzi irid jagħti lil dik il-persuna biex hi tibqa’ tgħix b’mod indipendenti sal-massimu possibli.
Stephen Spiteri reġa’ tenna l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jagħti s-sehem tiegħu f’dan il-qasam u għaldaqstant qed jippjana konferenza apposta biex il-Partit jiltaqa’ ma’ dawk kollha involuti f’dan is-settur biex jisma’ u jaġixxi skont il-bżonn.
Iċ-Chairman tal-KNPD, Oliver Scicluna rringrazzja lil Stephen Spiteri tal-appoġġ tiegħu u stqarr li jrid jaħdem sabiex jara din il-Kummissjoni tkun aktar awtonoma. Scicluna esprima l-kunsens tiegħu fuq ħafna mill-punti li rrefera għalihom Spiteri b’mod speċjali l-Guardianship Act. Hu ddeskriva l-aħħar 25 sena bħala kruċjali u importanti sabiex il-persuni b’diżabilita’ għamlu l-qabża ta’ kwalità fil-ħajja tagħhom.
The post Il-PN jappella lill-Gvern biex jimplimenta l-liġi tal-Guardianship appeared first on TVM.