Easygas Malta Limited fetħet rikors ġuramentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Awtorità ta’ Malta tar-Riżorsi (MRA), il-Kap Eżekuttiv tagħha l-Inġinier Anthony Rizzo u ċ-Chairman tagħha l-Inġinier James Camenzuli.
Fi stqarrija Easygas spjegat li qed tagħmel dan minħabba dik li sejħet insistenza illegali u abbużiva tal-partijiet biex l-Easygas titrasferixxi ċilindri li kienu jinsabu fil-pussess tagħha.
Qalet minkejja li qed ikun allegat li dawn iċ-ċilindri kienu proprjetà tal-kumpanija Liquigas Malta Limited ma nġiebet l-ebda prova konkreta la mill-MRA u lanqas mill-kumpanija Liquigas li kienet il-kumpanija Liquigas li oriġinarjament poġġiet it-tali ċilindri fis-suq, skont ir-regolamenti dwar is-Suq tal-Gass Petroluem Likkwifikat.
Kompliet tispjega li r-regolamenti ġew emendati fl-2011, u jiddefinixxu li s-sid ta’ ċilindru tal-GPL huwa “kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li tkun leġittimament detentur ta’ ċertifikati ta’ valutazzjoni ta’ konformità ta’ ċilindru tal-GPL u li jkun oriġinarjament qiegħed tali ċilindru fis-suq.”
L-istqarrija tal-Easygas kompliet tgħid li minkejja n-nuqqas ta’ provi, il-protestati qegħdin jibqgħu jinsistu li Easygas tirritorna dawk iċ-ċilindri fil-pussess tagħha lil-Liquigas, u dan saħqet l-Easygas huwa kontra r-regolamenti.
Aktar minn hekk, kompliet l-Easygas, Liquigas qiegħda tirrifjuta li tirritorna lil Easygas eluf ta’ ċilindri, proprjetà tal-Easygas iżda li jinsabu fil-pussess ta’ Liquigas, u dan minkejja illi l-Easygas pprovdiet ċ-ċertifikazzjoni neċessarja u prova illi tali ċilindri kienu ddaħħlu Malta mill-istess Easygas skont ir-regolamenti.
The post Easygas bi ġlieda legali dwar min hu sid iċ-ċilindri tal-gass appeared first on TVM.