L-atturi u d-direttur televiżiv Steven Dalli rrakkonta pubblikament li sa minn tfulitu ilu jbati b’kundizzjoni newroloġika li taffettwalu l-moħħ u l-ġisem.
Fuq il-programm Xarabank li ttratta l-problema ta’ saħħa mentali, Dalli stqarr li jbati bil-kundizzjoni magħrufa bħala Tourette Syndrome – kundizzjoni newroloġika li ġġegħlu jiċċaqlaq u anke jagħmel ħsejjes b’ħalqu bla ma jrid. Matul l-intervista Dalli stqarr li beda jissielet miegħu nnifsu biex ma joħroġx l-effetti ta’ din il-kundizzjoni. Madankollu stqarr li wara l-programm ried ipatti għal din is-soppressjoni.
It-Tourette Syndrome hija kundizzjoni li jbatu minnha madwar 4 persuni minn kull elf. L-aktar li hija komuni hija fis-subien. Din il-kundizzjoni ġġiegħel lil dawk milquta jaġixxu b’ċertu mod u bla kontroll.
Steven qal li minħabba din il-kundizzjoni jispiċċa jgħajjat isem martu diversi drabi bla ma jkun jaf u jagħti b’idejh ma’ sidru. Semma kif jagħmel ħsejjes b’ħalqu medja ta’ 20 darba fil-minuta u ġieli aktar meta jkun aġġitat. Huwa żied jgħid ukoll li sal-aħħar tal-ġurnata jispiċċa għajjien ħafna.
Matul il-prorgramm il-psikjatra Anton Grech spjega li din il-kundizzjoni taffettwa l-moħħ u l-ġisem u turi li l-kundizzjoni tas-saħħa mentali mhumiex xi ħaġa separata minn kundizzjonijiet oħrajn bħalma huma dijabete.
Qal li din il-kundizzjoni taffettwa n-nervaturi kollha tal-ġisem u jkollok moviment mhux ikkontrollati (ticks) kemm fil-ġisem u kemm vokali bil-kliem. Qal li ħafna drabi dawn il-persuni jispiċċaw jitkellmu ħażin bla ma jkunu jridu.
Steven stqarr li minkejja li ilu jbati b’din il-kundizzjoni diversi snin qatt ma qata’ qalbu milli jgħix ħajtu b’mod normali. “Nittama li oħrajn bħali jew b’kundizzjonijiet simili jagħmlu bħali u ma jaqtgħu qalbhom qatt”, temm jgħid Dalli.
The post “Ġieli niċċaqlaq 20 darba fil-minuta mingħajr ma rrid” appeared first on TVM.