Karmenu Grima huwa r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali ‘B’Ħilti Wasalt’ li huwa organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi. Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppreżentatlu dan ir-rikonoxximent filwaqt li faħħret lil Grima talli refa’ r-responsabiltà quddiem id-diffikultajiet kbar li preżentatlu l-ħajja.
Id-determinazzjoni, l-għażliet tajba u r-responsabiltà waslu biex Karmenu Grima ngħata r-rikonoxximent tal-Premju Nazzjonali; ‘B’Ħilti Wasalt’, li huwa organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Is-Sur Grima twieled San Pawl il-Baħar u minbarra li rabba l-familja tiegħu għen ħafna biex jitrabbew ħutu minħabba li missieru miet meta huma kienu għadhom żgħar ħafna. Huwa ħadem fir-raba u bħala bejjiegħ tal-ħaxix iżda l-impenn tiegħu ma waqafx biss ma’ familtu għaliex fittex ukoll li jgħin popli oħra fqar fil-missjoni tant li flimkien ma’ martu Doris mar l-Kenya, it-Tanżanija u l-Gwatemala.
Il-fundatur tal-laboratorju tal-Paċi Patri Dionysius Mintoff li jorganizza dan il-ġieħ qal li dan il-premju jirrikonoxxi r-responsabiltà.
Il-President Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li tinħoloq diskussjoni dwar il-pjaga soċjali għax il-kuxjenza soċjali tirrikjedi li l-ġid li jinħoloq jitqassam bejn kulħadd. Qalet li biex ikun eliminat il-faqar hemm bżonn li kulħadd jirrikonoxxi li hemm nies li jenħtieġu aktar għajnuna min-normal biex joħorġu mill-faqar li jinsabu fih.
The post Karmenu Grima jirbaħ il-Premju Nazzjonali ‘B’Ħilti Wasalt’ appeared first on TVM.