Rapport li analizza l-fond tal-lotteriji nazzjonali għall-kawżi ġusti u li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tad-Deputati llejla, juri kif obbligazzjonijiet li saru bejn Jannar 2011 u Marzu ta’ din is-sena u li għalhekk huma dovuti kemm din is-sena u anke s-sena d-dieħla, ma jistgħux isiru minħabba li spiċċaw il-fondi kollha.
L-investigazzjoni saret mill-Awditur Ġenerali fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi u indirizzat it-tħassib imqanqal mill-Ministeru tal-Finanzi l-iktar dwar il-mod kif il-fond tal-lotteriji nazzjonali għall-kawżi ġusti kien immexxi u l-allegazzjonijiet li fiż-żmien meta seħħet il-bdila fl-amministrazzjoni tal-pajjiż, dan il-fond kien impenjat b’mod sinifikanti iktar milli suppost.
Il-Fond tal-lotteriji nazzjonali għall-kawżi ġusti twaqqaf biex jappoġġja u jiffinanzja b’mod parzjali proġetti u inizjattivi ta’ natura filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, soċjali jew reliġjuża.
Il-Fond jiġġenera d-dħul tiegħu minn kontribuzzjonijiet tat-taxxa pagabbli fuq l-attività tal-logħob, premjijiet mhux miġbura u l-interessi fuqhom. Id-dħul medju annwali tal-fond jammonta għal madwar miljun u seba mitt elf ewro. L-analiżi kkonkludiet li kien hemm diversi nuqqasijiet li jinkludu fost oħrajn okkażjonijiet fejn il-parametri dwar l-għoti tal-fondi ma tħarsux, b’każi fejn il-limiti għall-għotjiet minn dan il-fond tal-kawżi ġusti inqabżu.
Ir-rapport jikkonkludi wkoll li nformazzjoni dwar il-fond innifsu, għalkemm miżmuma, kienet sparpaljata bl-ebda sors komprensiv li suppost jinkludi l-informazzjoni kollha relevanti għal kull applikant.
The post Sparpaljar tal-fondi ta’ kawżi ġusti – Ministru Scicluna appeared first on TVM.