Hekk kif ħabbar li l-armata Ingliża se tingħata sehem aktar attiv fl-isforzi biex jitrażżnu l-għargħar, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron wiegħed dak kollu li hemm bżonn biex jgħinu lil dawk milquta mill-ilmijiet li qed jgħattu l-parti l-kbira tan-nofsinhar tal-Ingilterra.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Downing Street, Cameron qal li l-flus mhux problema meta hemn il-ħajja fin-nofs u wissa li l-affarijiet għandhom imorru għall-agħar.
Hu maħsub li 4,000 proprjetà oħra daħlilhom l-ilma l-bieraħ u matul dal-lejl. Il-metereoloġisti qed ibassru mas-70 millimetru xita u rjieħ b’qawwa ta’ 80 mil fis-siegħa għall-bqija tal-ġimgħa. Fl-aħħar ġimgħa, mal-elf dar daħlilhom l-ilma, fosthom 800 matul ix-Xmara Thames.
Id-Daily Mail qalet li 100,000 persuna ffirmaw petizzjoni li qed torganziza biex il-flus li l-Gvern Ingliż jagħti f’għajnuna barranija imorru għal dawk milquta mill-għargħar.
Sadanittant, minħabba l-qagħda imwegħra, Carmeon ħassar vjaġġ fil-Lvant Nofsani fejn kellu jiltaqa’ mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-President Palestinjan Mahmoud Abbas.
The post Għargħar: Cameron iwiegħed ‘dak kollu li hemm bżonn’ appeared first on TVM.