Storja: Keith Demicoli
Il-ġirien tal-blokka ta’ appartamenti fejn kmieni l-bieraħ filgħodu nqatel Kristic Dragoljub ta’ 27 sena minn Grocka, is-Serbja qalulna li huma ma semgħux mużika għolja fil-lejl tad-delitt waqt li s-sid tal-blokka qal li ma kienx hu li tefa’ l-main tad-dawl li allegatament wassal għall-argument fatali bejn il-Bulgaru (li llum tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil) u s-Serb. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-main intefa minn qarib tas-sid.
Il-ġirien, li tkellmu ma’ tvm.com.mt bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi, qalu li qatt ma nnutaw xejn ħażin fiż-żewġt irġiel Maċedoni u l-Bulgaru li joqgħodu f’wieħed mis-sitt appartamenti li hemm fil-blokka. Madankollu, spjegaw li mhux l-ewwel darba li saru lmenti minn turisti li jkunu fil-bars taħt il-blokka, ilmentaw minħabba l-volum għoli tal-mużika li tkun ħierġa mill-appartamenti tat-tliet irġiel barranin.
Mistoqsija jekk semgħux xi ħaġa fil-lejl tad-delitt, l-omm u l-bint li tkellmu magħna, qalulna li ma semgħu xejn u saru jafu bid-delitt kmieni filgħodu, bil-vittma jinstab mixħut fl-art f’għadira demm mal-metru u nofs bogħod mill-bieb tagħhom.
Il-Pulizija l-bieraħ qalet li allegatament l-argument bejn l-irġiel beda wara li ntefa d-dawl tal-appartament tagħhom għall-ħabta tas-2:15a.m. Kien hawn li allegatament segwa argument bejn il-Bulgaru u s-Serb, b’dan tal-aħħar jinqatel b’daqqa ta’ sikkina f’qalbu.
The post Aġġornat: Il-ġirien jgħidu tagħhom dwar id-delitt tal-Bulgaru appeared first on TVM.