Il-Ministru Chris Cardona sostna dalgħodu li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin joħorġu iżjed dettalji dwar il-każ li żvela lbieraħ tvm.com.mt dwar riskju li jintilfu €20 miljun għall-proġetti u skemi tal-Malta Enterprise. Dwar dan il-każ il-Ministru Cardona qal li l-Gvern sej kun qed jara x’sar ħażin u min għamlu.
Mistoqsi jekk il-każ għandux x’jaqsam mal-fondi dwar is-solar panels, il-Ministru Cardona qal li kien hemm iżjed żviluppi minn hekk li għadhom ma ħargux. Min-naħa tiegu ċ-Chairman tal-Malta Enterprise Dr Mario Vella qal li ma jixtieqx jikkummenta sakemm ikollu l-fatti f’idu.
tvm.com.mt irrapporta lbieraħ li proġetti u skemi tal-Malta Enterprise li kienu qegħdin jiġu ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintlaqtu ħażin hekk kif sorsi informati fi Brussel qalu li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tinvestiga x’azzjoni tista’ tieħu minħabba allegati irregolaritajiet li jistgħu jammontaw għal frodi fl-amministrazzjoni tal-fondi fl-2012.
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tevalwa rapport tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazjonijiet li jagħmel parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dwar każi ta’ allegat frodi li ġraw fl-2012 fosthom applikazzjonijiet frodulenti minn kumpaniji ineżistenti li ngħataw għajnuna minn fondi għall-iżvilupp reġjonali fost oħrajn fi skemi ta’ panelli tax-xemx.
Sorsi qalu li l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tista’ twassal biex jintilfu sa €20 miljun u possibbilment aktar ukoll. Dawn huma mill-fondi allokati fil-budget tal-Unjoni Ewropea li jiskadi din is-sena.
Huwa mifhum li l-ewwel ħjiel tal-allegati abbużi minn fondi Ewropej ġie identifikat minn kumitat tekniku tal-Malta Enterprise lura fl-2009. Fl-2012 anke nbdew proċeduri kriminali dwar każ partikolari u d-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet sab irregolaritajiet oħrajn.
Ftehim li jinċentiva twaqqif ta’ intrapriżi fost iż-żgħażagħ
Ftehim li ntlaħaq bejn il-Malta Enterprise u l-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) ser iwassal għal twaqqif ta’ ċentru għall-intrapriżi fil-Kordin Business Incubation Centre għal studenti li jkunu jridu jwaqqfu intrapriżi taghhom.
Dan il-ftehim tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist barotlo, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment, Chris Cardona, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Stephen Cacia, iċ-Chairman tal-MCAST, Dr Silvio Debono, kif ukoll iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Dr Mario Vella.
Il-Ministru Bartolo qal li dan il-pass ser iwassal biex “norbtu l-edukazzjoni mal-qasam ekonomiku.” Żied jgħid li l-għan aħħari li titkattar kultura imprenditorjali fost żgħażagħ, “imprenditur tista’ ssir, mhux bilfors titwieled.”
Fuq l-istess binarju ta’ ħsieb id-diskors tal-Ministru Cardona li qal “dan hu bida ta’ pjattaforma nazzjonali li hu meħtieġ biex nassiguraw li dawk kollha involuti fit-tkabbir ekonomiku jkunu preparati minn eta’ żgħira biex javvanzaw fix-xogħol tagħhom.”
Rapport/Ritratt: Fiorella Pace
The post €20 miljun f’riskju li jintilfu: “Irridu naraw x’sar ħażin u min għamlu” appeared first on TVM.