Waqt il-programm Dissett illejla, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi żvela kif fl-2010 Gvern Nazzjonalista neħħa l-Compliance Unit fl-Enemalta.
Qal li fost il-funzjonijiet ta’ dan il-unit kien hemm il-moniteraġġ ta’ serq tal-elettriku.
Huwa qal li fis-snin ta’ wara, sploda s-serq li laħħaq it-€30 miljun f’sena.
Il-Ministru Mizzi kkwota komunikazzjoni tal-Enemalta li fiha kien tħabbar li l-Compliance Unit kienet se jingħalaq bir-raġuni mogħtija tkun li dan ma kienx hemm aktar ħtiega tiegħu minħabba żvilupp teknoloġiku.
Huwa qal li fl-aħħar jiem kien hemm numru qawwi ta’ konsumaturi tal-Enemalta li ressqu biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom waqt li ngħataw numru fenomenali ta’ tip-offs. Qal li mit-Tnejn li gej, dawk li abbużaw se jingħataw sitt ġimgħat ċans biex dak li jkun jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu u jagħti l-informazzjoni ta’ kif ġab dan is-servizz bil-għan li tinqabad il-ħuta l-kbira.
Il-Ministru Mizzi sostna li bid-decizjoni tal-Gvern preċedenti li tingħalaq il-Compliane Unit, 17-il impjegat tal-Enemalta ġew ittrasferiti f’sezzjonjijiet oħra tal-Korporazzjoni u li dan sar bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Il-Ministru żvela wkoll li mill-1000 każ ta’ serq tal-elettriku, 750 każ kienu f’djar residenzjali waqt li 240 oħra kienu smart meters mqabbda fis-settur tan-negozju.
Min-naħa tiegħu l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-eks-Ministru Tonio Fenech ma kienx jaf li kien hemm xi tbagħbis fl-ismart meters. Qal li kien f’Ottubru li għadda li l-Gvern kellu l-ewwel indikazzjoni li kien hemm dan is-serq u tenna li mhu veru xejn li kien hemm rapporti ta’ serq qabel Ottubru li għadda.
Il-Viċi Kap Nazzjonalsita żied jgħid li bis-saħħa tal-investiment li sar fl-ismart meters, illum għandna sistema aħjar biex taqbad lil min qed jisraq l-elettriku.
Mistoqsi dwar rapporti fil-midja fl-2012 li rrapportaw li kien qed isir tbagħbis mal-ismart meters, u kif l-Enemalta caħdet dawn ir-rapporti, Fenech Adami qal li r-rapport tal-Awditur huwa certifikat li għamlu sistema li min jisraq jinqabad.
Qal li llum għandna sistema installata u mqabbda mas-sistema ċentrali u konsegwenza ta’ hekk hemm 1,000 persuna korrotta li qbadnihom u li dan il-Gvern qiegħed jagħtihom il-maħfra.
Fenech Adami qal li l-PN m’għandu xejn x’jiddefendi u hu l-Gvern li jrid jiddefendi lilu nnifsu minn dan l-iskandlu li qal li f’sena ħalla €30 miljun jinsterqu.
The post L-iskadlu tal-ismart meters: Fl-2010 tneħħiet il-Compliance Unit appeared first on TVM.