Ħajt f’Santa Venera li għal snin kien karatterizzat mill-ħmieġ kkawżat l-aktar mit-tniġġiż qed jingħata dehra kompletament differenti b’biċċa xogħol ta’ arti li qed jagħmel Ingliż bl-użu tal-ilma.
Mal-mogħdija taż-żmien, il-ħitan jiswiedu, l-aktar minħabba d-dħaħen tal-karozzi u l-umdità li jagħtu dehra kerha lill-post. Madanakollu, għall-Ingliż Paul Curtis magħruf bħala Moose, ħitan f’din il-kundizzjoni joffru potenzjal biex permezz tal-ilma jagħmel dak li jsejjaħ tindif artistiku.
Moose ilu jagħmel dan ix-xogħol artisitku għal dawn l-aħħar 15-il sena u dar id-dinja biex jipprattika dan il-passatemp, bl-aħħar timbru tiegħu issa jinsab fuq ħajt fuq l-entratura għall-mina ta’ Santa Venera. Hu qal lil tvm.com.mt kif b’din l-arti iwassal messaġġ kontra t-tniġġiż.
Għal din l-arti, l-artist Ingliż uża disinji li sab fin-natura Maltija u wara li ħoloq forom bl-injam, naddaf is-swidija bil-pressa ta’ ilma.
Billi maż-żmien din l-arti terġa titgħatta bl-istess ħmieg li żamm mal-ħajt tul is-snin, Moose qal li dan juri kemm id-dinja hija mniġġza u hi l-hena tiegħu jerġa’ jżur l-arti li jkun għamel biex jara b’liema rata dak li jkun għamel jisfuma fix-xejn.
Din l-arti f’Santa Venera se tkun parti minn video tad-diska ‘Street Art’ tal-kantanta Dana McKeon li mistenni joħrog lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
The post Ara x’jirniexxielu jagħmel mill-ħmieġ tal-ħitan! appeared first on TVM.