L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin l-MHRA qed tħares lejn tbassir pożittiv għax-xhur li ġejjin fin-numru ta’ wasliet ta’ turisti.
Dan ħareġ f’konferenza li l-MHRA għamlet illum u li matulha tat ħarsa lejn l-andament tas-suq turistiku s-sena l-oħra fejn ġew Malta 9.6 fil-mija iżjed turisti fuq is-sena 2012.
L-MHRA qalet li matul is-sena li għaddiet kien hemm żieda sinifikanti fil-wasliet tat-turisti. Dawn żdiedu b’9.6 fil-mija fuq is-sena 2012. Irriżulta wkoll li matul l-2013 l-industrija tal-lukandi rreġistrat l-ogħla livell li fih il-kmamar kienu mimlija għal dawn l-aħħar ħames snin.
Meta jitqabblu s-snin 2012 u 2013, in-numru ta’ ljieli li fih it-turisti damu f’Malta żdied bi 8.7 fil-mija, waqt li l-infiq tat-turisti tela’ b’7 fil-mija. Fil-konferenza l-MHRA tat ir-riżultati tax-xhur bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet. Jirriżulta li meta dawn ix-xhur jitqabblu mal-istess xhur tas-sena 2012 kien hemm żieda ta’ 13.2 fil-mija fil-wasliet ta’ turisti, żieda ta’ 8.6 fil-mija fin-numru ta’ ljieli li damu Malta u żieda ta’ 6.6 fil-mija fl-infieq tat-turisti fil-pajjiż.
Il-President tal-MHRA Paul Bugeja wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati. Madankollu qal li hemm bżonn li l-Gvern jaħdem iżjed biex jiġu iżjed turisti tul fix-xhur xitwin.
L-istħarriġ tal-MHRA wera wkoll li fl-aħħar tliet xhur tal-2013 kien hemm żieda sinifikanti fil-lukandi ta’ ħames u tliet stilel waqt li kien hemm żieda żgħira fil-lukandi ta’ erba’ stilel. Fil-lukandi ta’ ħames stilel kien hemm żieda ta’ kważi 7% u fil-lukandi ta’ tliet stilel iż-żieda kienet ta’ 9.5%. Min-naħa l-oħra, iż-żieda fil-lukandi ta’ 4 stilel kienet ta’ 2%.
Is-Sur Bugeja qal li t-tbassir għax-xhur li ġejjin hu wieħed pożittiv kemm għan-numru ta’ wasliet ta’ turisti u wkoll għar-rati li jżommu s-sidien tal-lukandi minħabba li spjega li l-MHRA ssostni li r-rati jkunu adegwati biex iżomm is-sostenibbilità.
The post Fl-2013: Żieda ta’ 9.6% fit-turisti li żaru Malta appeared first on TVM.