Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

It-theddid tal-bombi fil-Qorti: Il-ġudikatura tappella għal azzjoni

$
0
0

L-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u Maġistrati ta’ Malta, appellat illejla lill-awtoritajiet biex jingħaqdu u jsibu soluzzjoni dejjiema li biha jkun jista’ jiġi evitat li jkun hemm ħela ta’ ħin kull darba li ssir theddida ta’ bombi.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju tal-Assoċjazzjoni, il-Maġistrat Francesco Depasquale rrefera għall-avviż ta’ theddida ta’ bomba li sar dalgħodu u l-evakwazzjoni li kellha ssir mill-bini tal-Qorti.

L-Assoċjazzjoni wriet it-tħassib serju tagħha għall-fatt li dan it-theddid qiegħed jiġri ta’ spiss, tant li f’dawn l-aħħar tliet xhur, għal mill-inqas ħames darbiet in-nies kellhom jinħarġu mill-bini tal-Qorti minħabba f’dan it-theddid.

“L-Assoċjazzjoni ma tistax ma tinnotax li dan it-theddid ta’ bomba huwa pjaga li ilha tolqot lil dawn il-Qrati għal diversi snin u qiegħda tirreka danni kbar, kemm lill-Istituzzjoni tal-Qorti u, aktar u aktar, liċ-ċittadin li jkun qiegħed jattendi fil-Qorti u li, minħabba f’hekk, jispiċċa illi, ħafna drabi, jkun ġie l-Qorti għalxejn peress li l-kawżi jkollhom jiġu differiti minħabba fit-theddida li tkun saret”, qalet l-Assocjazzjoni.

Hawnhekk stiednet lill-awtoritajiet biex jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ biex tiġi evitata l-ħtieġa li jinħarġu n-nies mill-Qorti kull meta jkun hemm theddida, bl-implimentazzjoni ta’ strutturi u miżuri fil-bini tal-Qorti li jkunu jistgħu jassikuraw li, f’każ ta’ tali theddid, ma jkunx meħtieġ li jitwaqqfu s-seduti li jkunu għaddejjin u jiġi evakwat il-bini kollu, iżda jkunu jistgħu jsiru l-aċċertamenti neċessarji dwar tali theddida b’mod li jkun biss eċċezzjonalment li s-seduti tal-kawżi jkollhom jitwaqqfu u jinħareġ kulħadd mill-bini.

 

The post It-theddid tal-bombi fil-Qorti: Il-ġudikatura tappella għal azzjoni appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles