F’ħidma ta’ salvataġġ mill-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ttellgħu mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, l-ġuvni u tfajla li aktar kmieni kienu rrapurtati nieqsa.
L-ewwel li ma ttella’ permezz ta’ helikopter tal-Forzi Armati kien il-guvni, Erin Tanti ta’ 23 sena li nstab konxju.
Hu tniżżel mill-helikopter fit-triq fejn kien hemm ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei.
Il-ġuvni salvat indika lill-Pulizija li kien hemm tfajla miegħu, Lisa Maria Zahra ta’ 15-il sena u baqgħet għaddejja ħidma biex it-tfajla tittella’ wkoll mill-irdum.
Iżda Lisa Maria nstabet mejta.
Kien għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ wara nofsinhar, meta l-Pulizija rċevew rapport mingħand persuna li qalet li rat persuna fuq il-blat fl-irdumijiet fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Żuta.
tvm.com.mt jinsab infurmat li possibilment il-koppja ma waqgħux illum iżda il-bieraħ.
Fl-istess inħawi nstabet vettura reġistrata f’isem Erin Tanti. Il-vettura nstabet ftit il-bogħod minn fejn seħħ l-inċident u kienet imsakkra.
Aktar kmieni: Persuna żagħżugħa, ttellgħet b’helikopter tal-forzi armati waqt operazzjoni ta’ salvataġġ li għaddejja f’dawn il-ħinijiet fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.
Bħalissa fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli għaddejja operazzjoni ta’ salvataġġ wara rapporti li waqġħu żewġ persuni għal isfel.
Aktar dettalji dalwaqt.
The post AĠĠORNAT Bil-filmat: Salvat il-ġuvni iżda t-tfajla ttellgħet mejta appeared first on TVM.