Bħal-lum 75 sena ġie stallat l-ewwel radar f’Malta li kien l-ewwel radar esperimentali li qatt ħareġ barra r-Renju Unit. Dan ir-radar kien inġieb Malta bi prova għal sitt xhur li mat-tmiem tagħhom bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. F’ħakka t’għajn din is-sistema saret vitali għad-difiża tal-gżejjer Maltin. Minn dak iż-żmien t-teknoloġija nbidlet ta’ taħt fuq u r-radars baqgħu għodda essenzjali fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru.
F’Ħal Far ġie inawgurat radar ieħor. Il-kumpanija Malta Air Traffic Services li tmexxi t-torri tal-kontroll fl-ajruport u hi nkarigata li tħares il-movimenti tal-ajruplani fl-ispazju tal-ajru Malti issa għandha t-tieni radar maħsub li jissorvelja t-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani fl-ajruport. Ix-xogħol fuq ir-radar f’Ħal Far beda fl-2011 bi struttura mibnija m’għola disa’ sulari.
F’Malta hawn żewġ sistemi ta radars, dawk bhal ta’ Ħal Far u Ħal-Luqa li jieħdu ħsieb it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani u oħrajn bħal ta’ Ħad-Dingli u dak li se jinbena fil-Fawwara li jimmarkaw l-ajruplani li jkunu għaddejjin mill-ispazju tal-ajru Malti.
The post Mill-art għajnejn fis-sema appeared first on TVM.