Effett dirett tal-ġrajja storika tal-Ħelsien kien il-fatt li bħal dan il-lejl 35 sena ilu l-Maltin ħadu f’idejhom mingħand is-servizzi Ingliżi t-tmexxija tal-ispazju tal-ajru Malti.
Fost il-ħaddiema Maltin involuti fil-kontroll tal-ispazju tal-ajru Malti, tvm.com.mt iltaqa’ ma Joe Sultana, li fl-1979 kien wieħed mis-supervisors inkarigati mill-operat tat-torri tal-kontroll f’Ħal Luqa u llum il-ġurnata jokkupa kariga għolja fil-Eurocontrol, l-organiżazzjoni Ewropea għas-siġurtà fl-avjazzjoni ibbażata fi Brussell u li tħaddan 40 stat membru.
Il-Eurocontrol tikkoordina u tippjana l-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa kollha. Is-Sur Sultana ilu l-Eurocontrol mill-1991 u reġa ħadem mill-qrib mal-kontrolluri tal-ajru Maltin tliet snin ilu fi żmien ta’ prova li ntemm b’wiċċ il-ġid.
It-tħejjijiet biex wara l-31 ta’ Marzu 1979 il-kontroll tal-ispazju tal-ajru Malti jgħaddi kompletament f’idejn il-Maltin, bdew wara l-iffirmar tal-ftehim mal-Gvern Ingliż fl-1972 bl-ingaġġ ta’ għadd ta’ kontrolluri Maltin. Apparti t-tħejjijiet biex il-Maltin ikunu kapaċi jidħlu għal dan ix-xogħol weħidhom, dan il-proċess iltaqa’ ma’ sfida oħra b’uħud ħallew dan il-post wara li l-Gvern iddeċieda li jkunu taħt dixxiplina militari u għalhekk kellhom jiġu ngaġġati aktar kontrolluri.
Ic-Chairman attwali tal-kumpanija Malta Air Traffic Services, il-Maġġur Tony Abela, li 35 sena ilu kien inkarigat mis-servizzi ta’ inġinerija fit-torri tal-kontroll stqarr li l-isfida ta’ riżorsi umani nħasset aktar fil-parti tat-tekniċi fejn minn madwar 20 spiċċaw ħamsa biss billi l-maġġoranza ddeċidew li jieħdu l-pensjoni tal-Ingilterra.
Fi kliem il-Maġġur Abela, din kienet storja oħra li uriet l-kapaċità tal-ħaddiema Maltin li meta jidħlu għal sfida jafu jegħlbu l-ostakli u jżommu l-interess tal-pajjiż fuq quddiemnett.
The post 35 sena ta’ tmexxija tal-ispazju tal-ajru Malti mill-Maltin appeared first on TVM.