Fir-raħal pittoresk tal-Imġarr, il-Ħadd li ġej se issir il-Festa Frawli, attività annwali li issa daħlet fit-tmien sena tagħha.
L-attività titella fil-pjazza tar-raħal u tkun miżgħuda bi prodotti ta’ kull tip l-aktar ikel bl-ingredjent ewlieni jkun il-frawli.
Iżda l-frawli frisk jibqa’ l-aktar prodott mfittex minn nies li jżuru din l-attività, xi ħaga li l-bdiewa Imġarrin jibdew jipreparaw għaliha sa mis-sena ta’ qabel.
Dak in-nhar tal-Festa Frawli, il-bdiewa jkunu qed jissuplixxu kannestri ta’ frawli maqtugħa friska mill-għelieqi tagħhom.
Fil-festa tal-frawli ta’ din is-sena, l-organizzaturi se jippruvaw jiksru r-rekord Malti tal-akbar gateau tal-frawli.
Il-frawli jintuża biex jsiru bosta affarjiet oħra bħal deserta u ikel ieħor u saħansitra xarbiet.
Kokijiet professjonali se jkunu qed jippreparaw ikel b’riċetti li jinvolvu l-frawli bħal ravjul fil-frawli u cocktails mhux alkoholiċi u nbid tal-frawli fost oħrajn.
L-aktar prodott tradizzjonali assoċjat mal-frawli huwa l-ġamm.
Minbarra l-frawli, fil-Pjazza tal-Imġarr se jkun hemm artisti u musiċisti u attivitajiet oħrajn fosthom ċans li wieħed iżur fil-qrib it-tempji storiċi Ta’ Ħagrat u Skorba.
Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr li jorganizza din l-attività flimkien mal-Kummissjoni Lejla Mġarrija se jipprovdu servizz ta’ park and ride minn Ta’ Qali.
The post Festa ta’ frawli friski appeared first on TVM.