Ħames barranin tressqu b’urġenza l-Qorti, tnejn akkużati b’serq u pussess ta’ oġġetti misruqa, ieħor minbarra li seraq hedded lil xi persuni u anke kellu fil-pussess tiegħu arma bil-ponta filwaqt li tnejn oħra ppruvaw jitilqu minn Malta permezz ta’ dokumenti foloz.
Abdesalam Briga Rawad, Għarbi ta’ 29 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi li saru kontrih mill-Ispetturi Luke Bonello u Daryl Borg fost serq ta’ oġġetti li jiswew kważi €2,400. Huwa kien akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu mus u li hedded diversi persuni. Għalkemm l-avukat tal-akkużat talab il-libertà proviżorja, il-Magistrat Carol Peralta qal li l-akkużat ma jistax ikun fdat minħabba li rripeta reati filwaqt li kien fuq sentenza sospieża.
Raġel mis-Serbja ta’ 31 sena ntbagħat erba’ snin ħabs u meta jiskontahom se ikun deportat lejn pajjiżu minħabba li fl-erba’ snin li kien ilu Malta wettaq diversi reati fosthom serq ta’ arloġġi prezzjużi. Milan Milanovic ma riedx li jkun assistiet minn avukat u ammetta l-ħtija bil-Magistrat Peralta ma kellux triq oħra li jgħaddi għas-sentenza.
Bulgaru ta’ 45 sena li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għall-4 sen talli laqa’ għandu oġġetti misruqa li għandhom valur li jaqbeż l-€2,300 flimkien ma’ armi tan-nar. F’dan il-każ kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qablu li l-imputat jingħata sentenza sospiża.
Tressqu wkoll b’urġenża żewġ immigranti irregolari li jgħixu fiċ-ċentru magħluq u li ħolqu dokumenti foloz biex jaħarbu lejn l-Italja. Fil-Qorti ntqal li immigranti Somalu ried imur l-Italja biex jara kif miet ħuh ta’ 22 sena li huwa sentejn ikbar minnu filwaqt li l-immigrant mill-Gana li ma għandux protezzjoni umanitarja qal li ried imur l-Italja biex jingħata kura għall-kondizzjoni f’qalbu.
L-Ispettur qalet li mill-investigazzjoni ħareġ li l-immigrant ma kienx qed imur l-Isptar Mater Dei għall-kura minkejja li kien ikun imfittex biex jagħmel dan. Għalhekk il-Qorti ma setgħetx temmen dak li kien qiegħed jgħid. Il-Magistrat Peralta kkundannah sena ħabs biex ikun aċċertat li l-immigrant ikun taħt idejn l-awtoritajiet biex jekk hu veru li għandu bżonn il-kura għall-kondizzjoni f’qalbu jittieħed għall-kura.
The post Ħamsa b’urġenza l-Qorti: Erba’ snin ħabs għal Serb li seraq arloġġi prezzjużi appeared first on TVM.