Ftit sigħat qabel jibda l-kunċert tant mistenni ta’ Brian May fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, il-kitarrista leġġendarju tal-grupp Queen qal li llejla l-udjenza għandha tistenna minn kollox.
Brian May li għandu 66 sena, se jkun akkumpanjat mill-kantanta Ingliża Kerry Ellis. Dan se jsir bħala parti mit-tour tagħhom bl-isem ta’ Candlelight.
Fost l-oħrajn mistennija jindaqqu diversi suċċessi li kiseb il-grupp Queen. Meta mistoqsi, Brian May qal lil tvm.com.mt li l-udjenza llejla għandha tistenna l-mirakli.
“Il-mirakli għax jekk nistgħu nagħmlu dan f’dan ir-riħ, nistgħu nagħmlu kollox. Naħseb li tistgħu tistennew minn kollox. Aħna ndoqqu diversi ġeneri ta’ mużika… Kerry tkanta b’mod inkredibbli u aħna ninterpretaw il-kanzunetti…ngħidu ftit stejjer u nittamaw li nersqu eqred tal-udjenza,” qal May ma’ tvm.com.mt waqt l-aħħar provi qabel il-kunċert li se jkunu qed jieħdu sehem fih Ivan u Melvin tal-Wintermoods kif ukoll il-mużiċist rinomat Pascal Cravepz.
Brian May stqarr li kien kurjuż dwar Malta li qed iżur għall-ewwel darba, hekk kif sema’ ħafna dwarha mingħand missieru.
Il-kunċert ta’ Brian May u Kerry Ellis huwa parti mill-attivitajiet li qed isiru biex jitfakkru l-erba’ anniversarji ta’ ġrajjiet nazzjonali storiċi bit-tema “Jien, Int, Aħna Maltin.”
The post L-udjenza llejla għandha tistenna l-“mirakli” – Brian May appeared first on TVM.