Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta nediet l-iskeda tat-titjiriet tagħha għas-sajf 2014 li toffri lill-klijenti għażla ta’ 165 titjira fil-ġimgħa lejn 33 destinazzjoni madwar l-Ewropa, l-Afrika ta’ fuq u l-lvant tal-Mediterran.
Dan is-Sajf, il-linja tal-ajru nazzjonali żiedet żewġ rotot ġodda man-netwerk tagħha; Venezja (Ajruport Marco Polo) u Parma (Ajruport Giuseppe Verdi). Dan l-istaġun, hija se tkun qed topera wkoll lejn Algiers u bidlet l-ajruport f’Istanbul għall-Ajruport Sabiha Gokcen, l-aktar ajruport li qed jikber malajr fid-dinja.
Dan is-sajf Air Malta qiegħda topera titjiriet skedati diretti lejn Algiers, Amsterdam, Ateni, Benghazi, Berlin, Brussell, Budapest, Catania, Düsseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Ħamburg, Istanbul, Londra – Gatwick, Londra – Heathrow, Lyon, Manchester, Marsilja, Milan – Linate, Milan – Parma, Moska Domodedovo, Moska Sheremetyevo, Munich, Pariġi – Charles De Gaulle, Pariġi – Orly, Praga, Ruma, Sofia, St. Petersburg, Tripoli, Venezja, Vjenna u Zurich. L-Air Malta sejra topera wkoll titjiriet charter regolari lejn seba’ ajruporti reġjonali fir-Renju Unit li jistgħu jiġu bbukjati mill-pubbliku Malti. Dawn l-ajruporti huma Birmingham, Bristol, Cardiff, Exeter, Glasgow, Newcastle u Norwich.
The post L-Air Malta tniedi l-iskeda tas-sajf b’165 titjira fil-ġimgħa appeared first on TVM.