Il-Parlament m’approvax mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni li kienet titlob li jiġi mħassar Avviż Legali li permezz tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni se jkollu l-poter jitlob informazzjoni personali dwar studenti, minn età bikrija sakemm joħorġu mis-sistema edukattiva, u tal-qraba tagħhom. Il-votazzjoni ttieħdet wara sagħtejn u nofs ta’ dibattitu fil-kamra bi 30 deputat vvutaw favur u 37 vvutaw kontra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara fil-parlament li l-Oppożizzjoni se tressaq ilment formali dwar l-avviż legali dwar il-ġbir tad-data mill-Ministru tal-Edukazzjoni quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data. Qal li jekk ikun hem bżonn se jmur quddiem it-tribunal tal-Qorti, l-Qorti tal-appell u l-Qorti Ewropea. Huwa qal li l-avviż legali jagħti poteri sproporzjonati lil Prim Ministru u jikser id-dritt tal-privatezza tat-tfal.
Dr Busuttil qal li l-Gvern b’dan l avviż legali jew qed jabbuża jew huwa inkompetenti. Huwa kkritika lill-Gvern li għadu ma ħatarx Kummissarju għall-Protezzjoni tad-data minkejja li għaddew sitt ġimgħat mit-tmiem tal-kariga tal-Kummissarju preċedenti.
Il-Ministru għad-djalogu soċjali Helena Dalli qalet li l-Prim Ministru ikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju ġdid għall-Protezjoni tad-Data u kien hemm qbil dwar il-persuna li se tinħatar il ġimgħa d-diehla.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo poġġa fuq il mejda tal-kamra e-mails dwar korrispondenza u laqgħat li saru mal-uffiċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data fejn kien hemm qbil dwar l avviż legali ppreżentat. Il-Ministru Bartolo qal li kien l-ex Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data stess li kien ippropona li ġbir ta’ informazzjoni dwar il-karta tal-identità tidaħħal fl-avviż legali għax ma kienetx koperta minn liġijiet eżistenti.
Is-Sur Bartolo qal li l-Gvern seta ma ressaqx dan l avviż legali għax il-ligijiet eżistenti jipprovdu għall-ġbir ta’ data personali. Qal madankollu li l-Gvern ried ikun trasparenti.
Huwa qal li l-informazzjoni se tinġabar biex ikunu ndirizzati problemi fil-qasam edukattiv fejn it-tfal jaqgħu lura mill-qari f’età bikrija u tfal li ma jkunux reġistrati biex imorru skola. Qal li din se tgħin ukoll lil żgħażagħ li m’humiex l-iskola; ma jaħdmux jew li ma jieħdu l-ebda taħrig u ma jirreġistrawx għax-xogħol biex jingħataw għajnuna sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ studenti u gradwati li huma fl-impjieg addattat għalihom.
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li hemm protokolli fil-Ministeru dwar kif se tinġabar id-data.
The post Ma tgħaddix il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-Avviż Legali appeared first on TVM.