L-imġiba ta’ fraġelazzjoni personali minn adoloxxenti li jagħmlu feriti fuqhom stess, tidher li qed issir iktar komuni. tvm.com.mt kellu diversi rapporti dwar dan, li wħud anke ġew imperrċa u diskussi fil-media soċjali.
Qtugħ bix-xfafar, ħruq u tinqix fil-ġilda huma sinjali ta’ mġiba fl-adoloxxenti li tinkwieta lil bosta ġenituri. Dawn il-prattiċi ta’ fraġelazzjoni personali jidhru li qed isiru iktar spissi l-aktar fost it-tfajliet li jkunu għaddejjin minn fażi diffiċli f’ħajjithom.
tvm.com.mt tkellem ma’ diversi esperti dwar dan il-fenominu. Dawn jidhru tal-fehma li f’ħafna minn dawn il-każi m’hemmx rabta bejn din l-imġiba u s-suwiċidju. Għalkemm qalu li wieħed ma jistax jiġġeneralizza, kull każ għandu jiġi investigat minn professjonisti.
Qalulna li din l-imġiba hi l-aktar komuni fost persuni ta’ bejn it-12 u l-24 sena. L-esperti jgħidu li ħafna drabi dawn l-adoloxxenti jagħmlu hekk biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom.
Spiss il-persuni b’din l-imġiba jippruvaw jaħbu l-marki li jħallu fuq il-ġilda billi fost oħrajn jilbsu flokkijiet b’komma twila u qliezet f’temp sħun, jġorru magħhom oġġetti li jaqtgħu u f’ħafna każi jkollhom diffikultà biex jesprimu lilhom infushom jew ikunu impulsivi.
Din l-imġiba hi x’aktarx riżultat ta’ persuna li tkun għaddejja minn dipressjoni, tħossħa bla saħħa jew anzjuża, ikollha stima baxxa tagħha nnifisha, tkun negattiva jew tipprova tilħaq il-perfezzjoni.
The post Jiżdied il-qtugħ bi xfarfar, ħruq u tinqix fil-ġilda appeared first on TVM.