It-tradizzjoni tal-mixegħla madwar is-Salib tal-Għolja tmur lura bosta snin. Bdiet bħala attività żgħira mis-Siġġiwin għas-Siġġiwin, iżda llum hi meqjusa bħala attività nazzjonali. Ta’ kull sena, eluf ta’ nies iżuru din l-għolja f’dan iż-żmien tas-sena biex jitolbu tul il-Via Sagra fit-trejqa li twassal għas-salib… trejqa wieqfa li twasslek għal ħdejn is-Salib tal-Għolja.
Il-Banda San Nikola ilha għal dawn l-aħħar sitt xhur tħejji għal din il-mixegħla. tvm.com.mt staqsa lil Keith Abela, wieħed mill-organizzaturi x’inhu x-xogħol preparatorju li tirrikjedi attività bħal din.
Huwa qal li l-proċess jibda billi tinġabar ix-xemgħa u din tinħall biex isiru l-fjakkoli. “Ta’ min jgħid li għandna ’l fuq minn 1,000 fjakkola li jitpoġġew mal-għolja kollha”, qal is-Sur Abela waqt li spjega l-ħidma kollha li ssir f’dan il-proċes.
L-organizzaturi saħqu li dejjem iżommu f’moħħhom li fl-aħħar mill-aħħar il-mixegħa hi attività b’aspett reliġjuż.
“Kemm jista jkun inżommu f’moħħna li din hija attività reliġjuża, fejn in-nies jinġabru biex in-nies jiġi jitolbu”, temm jgħid Abela.
The post 1,000 fjakkola jixegħlu llejla s-Salib tal-Għolja appeared first on TVM.