Il-kumpanija GO Plc ħabbret li s-sena li għaddiet għamlet profitt qabel it-taxxa ta’ €15,600,000.
Fil-laqgħa annwali tal-kumpanija tħabbar li fl-2013, l-kumpanija kellha dħul ta’ €122 miljun.
Għalkemm il-qliegħ is-sena l-oħra kien €11-il miljun inqas mis-sena ta’ qabel, il-kumpanija qalet li din id-differenza kienet attribwita għat-trasferimenti u t-tpartit kummerċjali tal-art fil-Qawra li minnha l-kumpanija fl-2012 għamlet profitt ta’ €11-il miljun.
Il-kap eżekuttiv tal-kumpanija Yiannos Michealides spjega li l-kumpanija għamlet kisbiet kummerċjali minkejja l-kompetizzjoni qawwija fis-suq u l-pressjonijiet regolatorji.
Qal li kien hemm tnaqqis ta’ 3,5 fil-mija fl-ispejjeż tal-kumpanija.
Huwa qal li l-kumpanija għandha 67 fil-mija tas-suq kummerċjali fis-servizzi tagħha.
Ir-riżultati finanzjarji rreġistrati fl-2013 ġew aprovati mill-azzjonisti li approvaw ħlas ta’ dividend ta’ seba’ ewroċenteżmi għal kull sehem.
The post Il-kumpanija GO bi dħul ta’ €122 miljun appeared first on TVM.