Quantcast
Channel: TVM » Current Affairs Posts
Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Iżjed faċli biex jieħdu r-riżultat tad-demm u mhux mill-vina

$
0
0


Fl-aħħar ġranet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat beda jintuża tagħmir u proċess ġdid għall-pazjenti li jieħdu l-warfarina.

Permezz ta’ dan il-proċess sar iżjed faċli għal dawn il-pazjenti biex jieħdu r-riżultat tad-demm mill-ewwel u mingħajr dewmien waqt li b’hekk ma jkollhomx bżonn jieħdu d-demm mill-vina.

Madwar 1.5 fil-mija tal-popolazzjoni, jew aħjar mal-5,500 persuna f’Malta, tieħu l-warfarina biex traqqa’ d-demm. Minħabba li hu importanti ħafna li dawn in-nies iżommu livell tajjeb ta’ demm irqiq biex jipprevjenu attakki ta’ trombożi li jistgħu jwasslu għall-puplessija, dawn il-pazjenti jridu jieħdu test tad-demm b’mod regolari.

Dr Ivan Cacciattolo – Principal General Practitioner qal ma’ tvm.com.mt li f’perjodu qasir xi kultant ikollok bżonn li tvarja d-doża tal-warfarina u għalhekk ikun hemm bżonn li jittieħed it-test regolarment.

Qal li f’kundizzjonijiet fejn il-pazjent ir-riżultat tiegħu hu bejn wieħed u ieħor stabbli jiġi ttestjat bejn erba’ u sitt ġimgħat. “Fejn ma jkunx hemm dik l-istabbilità nġibuh anke iktar ta’ spiss, jiġifieri anke ġieli darbtejn fil-ġimgħa, ħaġa li ovvjament kif kienet is-sitwazzjoni kienet skomda li pazjent jinqala’ darbtejn f’ġimgħa biex neħdulu d-demm mill-vina u jistenna u ma jafx x’se jiġri,” qal Dr Cacciatolo.

Sallum dawn il-pazjenti kellhom imorru għat-test tad-demm, li s’issa kien jittieħed biss mill-vina, fl-isptar Mater Dei jew fiċ-ċentri tas-saħħa u mbagħad jistennew li d-demm jiġi analizzat fil-laboratorju u iktar tard jingħata r-riżultat. Wara r-riżultat it-tabib ikun jista’ jikkalkula d-doża l-ġdida u jibgħat ir-riċetta bil-posta lill-pazjent.

Il-proġett pilota li beda fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat ibiddel dan il-proċess u jagħmlu iżjed komdu u mingħajr dewmien għall-pazjenti.

Dr Cacciatolo qal li għandhom magni apposta li b’sempliċiment titqiba żgħira fis-suba’ u kampjun żgħir tad-demm, jagħtik ir-riżultat fi ftit sekondi.

B’hekk it-tabib ikun jista’ jagħti r-riċetta bid-doża l-ġdida tal-warfarina b’mod immedjat u l-mediċina tkun tista’ tinġabar mill-ispiżerija tal-għażla tiegħek dak il-ħin stess. S’issa l-proġett pilota fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat ra 20 pazjent.

Il-ħsieb tal-Gvern hu li sal-aħħar tas-sena dan il-proċess il-ġdid għall-pazjenti li jieħdu l-warfarina jkun beda jingħata wkoll fiċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi, Bormla, il-Furjana u B’Kara u wkoll mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Għal dan il-għan inġħata taħriġ lit-tobba u l-infermiera kollha.

 

The post Iżjed faċli biex jieħdu r-riżultat tad-demm u mhux mill-vina appeared first on TVM.


Viewing all articles
Browse latest Browse all 5966

Trending Articles